Left arrow Go Back

Aktar minn 170,000 siġra fi proġetti ta’ afforestazzjoni

pr1668
Date Icon 09/11/2001

Wara li x-xahar li għadda l-Kabinett iddeċieda favur it-twettiq ta’ proġetti ta’ afforestazzjoni f’sitt siti differenti fil-gżejjer Maltin, fil-jiem li ġejjin se jibdew jitfasslu l-pjani li għandhom iwasslu biex dawn il-proġetti jibdew ikunu implimentati fl-aqsar żmien possibbli. Għal dan l-iskop diġà twaqqfu u bdew jiltaqgħu żewġ timijiet, wieħed amministrattiv u ieħor tekniku.

Dawn il-proġetti ta’ afforestazzjoni, xhieda ta’ l-impenn tal-Gvern preżenti li jkompli jħaddar lil pajjiżna filwaqt li jagħmel użu minn art abbandunata fil-kampanja, għandhom iwasslu għat-tħawwil ta’ aktar minn 170,000 siġra fuq perjodu ta’ ftit snin.

Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit, meta l-bierah qassam żerriegħa u biċċiet ta’ pjanti minn sitt varjetajiet differenti ta’ siġar lil rappreżentanti ta’ diversi skejjel governattivi u privati biex jitkabbru mit-tfal ta’ l-iskola, ħalli ’l quddiem jitħawlu kull fejn ikun meħtieġ, inklużi f’dawn il-proġetti ta’ afforestazzjoni. Il-biċċiet li tqassmu huma tas-Safsafa l-Kbira u tas-Sebuqa, filwaqt li ż-żrieragħ huma tal-Faxxnu, Lewż, Ħarrub u tas-Siġra ta’ Ġuda.

Il-Ministru Zammit saħaq dwar l-importanza li t-tfal, minn ċkunithom, ikunu mħeġġa jkabbru s-siġar u l-pjanti kemm fl-iskejjel tagħhom, kif ukoll fi djarhom mhux biss biex jirrikonoxxu aktar is-sbuħija tan-natura, iżda wkoll biex ikunu attivi minn età żgħira f’ħidma favur l-ambjent. Pajjiżna għad għandu nuqqas ta’ siġar u importanti li jiżdiedu sostanzjalment kemm għaliex jagħtu dehra ambjentali isbaħ kif ukoll għax jippurifikaw l-arja u jipprovdu kenn u abitat lil varjetà kbira ta’ ħlejjaq.

Il-Ministru Zammit faħħar l-inizjattivi li qed jittieħdu f’dan ir-rigward kemm mill-privat, kif ukoll mill-Kunsilli Lokali li qed joħolqu diversi msaġar fil-lokalitajiet, fejn qed issir enfasi fuq it-tħawwil ta’ siġar endemiċi u indiġeni, fosthom is-siġra taż-żebbuġ li t-tkabbir tagħha qed jingħata spinta anki min-naħa tal-Gvern, kif ukoll il-Bjanka ta’ l-Irdum u tal-Għargħar.

Hu irrifera għar-regolamenti ġodda li saru din is-sena dwar il-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar, u stqarr li waħda mill-akbar problemi li għadhom jiffaċċjaw is-siġar f’pajjiżna hi dik tal-vandaliżmu, qerda u serq ta’ siġar.

Għaldaqstant hu ħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkoopera aktar billi jibża’ għas-siġar u billi jieħu hu wkoll inizjattivi biex ikompli jiżdied l-ammont ta’ siġar f’Malta. Hu qal li inizjattiva interessanti li tittieħed f’diversi pajjiżi hi t-tħawwil ta’ siġra mill-familja għal kull tarbija li titwieled.

Il-Ministru Zammit wera t-tama tiegħu li l-inizjattiva li qed tittieħed kull sena, fejn it-tfal ta’ l-iskejjel ikunu megħjuna jkabbru s-siġar miż-żerriegħa jew mill-biċċiet, tkompli trawwem aktar interess u mħabba fost it-tfal lejn is-siġar kif ukoll iddaħħal fihom sens aktar ta’ responsabbiltà

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow