Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. DR. LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAHHA, WAQT SEMINAR DWAR L-IGJENE 2001, BIT-TEMA: "WATER, WATER EVERYWHERE" - SALINA BAY

pr1659
Date Icon 08/11/2001

Sinjuri,

Huwa pjaċir tiegħi li għat-tieni sena, il-Quality Analysis Group għoġobhom jistidnuni biex niftaħ dan is-seminar dwar l-Iġjene li bħal ta' qablu għandu jservi bħala opportunità ta' tagħlim għal dawk involuti fl-industrija turistika u ta' l-ikel.

Ta' min jgħid li l-importanza li nagħti lill-iġjene ta' l-ikel u l-ilma mhux biss ġejja mill-fatt li jien tabib u għalhekk nifhem il-bżonn, iżda wkoll għax bħala Ministru jien responsabbli mis-saħħa tal-poplu li tinkludi wkoll ir-responsabbiltà mis-sigurtà fl-ikel u fl-ilma.

Bħala gvern aħna stqarrejna u sħaqna kemm-il darba li nagħtu importanza lill-prevenzjoni iktar mill-kura. Dan hu każ ċar fejn l-edukazzjoni u l-intervent f'waqtu jnaqqas il-mard drastikament u għalhekk jelimina l-ħtieġa tal-kura. Il-Maltin għandhom kull dritt li jimmiraw għal dawk il-livelli ta' kwalità u sigurtà fejn jidħol l-ikel u l-ilma li ċittadini ta' pajjiżi iktar żviluppati minna ilhom igawdu għal għexieren ta' snin.

Fl-istess ħin l-individwu jevita spejjeż, tbatija w inkwiet żejjed li jġib il-mard. L-istess spejjeż ikun qiegħed jiffrankahom min iħallas it-taxxi. Ma rridux ninsew ukoll li jekk nagħtu isem ħażin lil Malta dwar il-livell u s-sigurtà ta' l-ikel inkunu qegħdin inpoġġu fil-periklu l-ikbar industrija li għandna.

Dejjem għaraft il-ħtieġa li ntejbu s-servizzi u l-istrutturi ta' l-Ispettorat tas-Saħħa, aktar u aktar meta x-xogħol fil-maniġġ ta' l-ikel kull ma jmur qiegħed isir dejjem iżjed fattur kardinali sostanzjali fl-ekonomija tal-pajjiż.

Minn dejjem tajt importanza assoluta li kull min jaħdem fl-industrija ta' l-ikel għandu jkollu taħriġ neċessarju fl-iġjene bażika. Kien għalhekk li, f'Lulju li għadda, ġew pubblikati avviżi legali li jesiġu li ħaddiema fil-ġeneru tagħkom għandhom ikunu mħarrġin fl-iġjene ta' l-ikel. Dan l-avviż legali ma'sarx b'kapriċċ iżda għax inħass dan il-bżonn, aktar u aktar meta wieħed iqis li l-maġġoranza tal-każijiet ta' avvelinament mill-ikel huma kawżati minħabba nuqqas ta' ħarsien ta' l-ikel kif titlob is-sengħa w l-arti.

Madankollu mhuwiex biss l-ikel li jista' jikkawża l-mard. L-ilma, is-suġġett ta' dan is-seminar, jaf ikun perikoluż ukoll jekk ma jkunx hemm mezzi li bihom il-periklu tat-tixrid ta' infezzjonijiet jiġi eliminat. Għal dan il-għan, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika intensifika matul dawn l-aħħar snin l-ispezzjonijiet tal-pixxini li daqs kemm jistgħu jagħtu pjaċir jafu wkoll jxerrdu mard tal-widna u tal-ġilda jekk ma jinżammux sew u jiġu diżinfettati kif suppost.

Dan l-aħħar id-Dipartiment wera kemm hu għaqli li jsiru testijiet ta' l-ilma regolarment meta permezz tas-sistema preventiva li għandna ġewwa l-isptar San Luqa rnexxielna nidentifikaw u neliminaw traċċi tal-mikrobu tal-Legionella qabel dawn setgħu jikbru għall-kwantitajiet li mbagħad jispiċċaw perikolużi. Filwaqt li nisħaq li dan il-periklu ma jeżistix fil-każ ta' impjanti ta' l-arja kundizzjonata domestika, nħajjar l-industrija li tagħti importanza għal din it-tip ta' prevenzjoni u ttestjar.

Filwaqt li huwa ta' sodisfazzjon kbir, li naraw li hemm moviment qawwi mill-industrija ta' l-ikel u tat-turiżmu biex jogħla l-livell ta' iġjene, nafu mill-esperjenza li dan waħdu mhux biżżejjed, għax jibqa' dawk il-ftit li dejjem jaraw kif jaħarbu mill-obbligu tagħhom u jippruvaw jeħilsu bl-irħis. Ta' min jfakkar lil dawn, li ħafna drabi l-irħis huwa għoli, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-ħsara li ssir għan-negozju tagħhom stess.

Għal dan il-għan, qed tiġi emendata l-liġi dwar is-sigurtà fl-ikel, biex isir ħarsien qawwi kontra min b'għemilu jipprova jpoġġi s-saħħa tal-konsumatur fil-periklu. Il-liġi l-ġdida dwar il-ħarsien tas-sigurtà fl-ikel, f'Awissu li għaddha tressqet għat-tieni qari u nisperaw li ma ddumx ma tidħol fis-seħħ. Din il-liġi mistennija tagħti aktar poteri lill-Ispettorat tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika biex l-ispetturi sanitarji jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b'mod aktar effiċjenti mingħajr ma forsi wieħed jinħela fi prosekuzzjoni twila fil-Qorti.

F'din il-liġi qgħadna attenti biex inkunu ġusti ma' l-operaturi kollha. Min-naħa l-oħra determinati li din il-liġi ninfurzawha għall-ġid tal-kosumatur kif ukoll għall-ġid ta' l-operaturi ġenwini u onesti.

Hawn nixtieq nagħmilha ċara li l-forza tal-liġi ser tkun hemm għal min persistentement jikser ir-regolamenti, wara li dan ikun ġie mwissi dwar l-iżbalji tiegħu. Għalhekk kwalunkwe nuqqasijiet li jinstabu waqt kull spezzjoni f'stabbiliment ta' l-ikel jiġu notifikati lis-sid biex dan jagħmel ix-xogħolijiet neċessarji u jikkonforma ruħu mal-liġi. Fil-fatt din is-sistema ta' improved notices diġà bdiet tiġi mħaddma u l-ġimgħa li għaddiet saru standards li huma elenkati f' charter għall-Ispettorat tas-Saħħa, biex l-ispetturi tas-saħħa wkoll ikunu marbuta bi proċeduri applikabbli fl-industrija ta' l-ikel.

Waqt li qegħdin insemmu l-infurzar tal-liġi, wieħed żgur ma' jistax ma' jsemmix il-progress u t-tibdil kbir li sar fl-Ispettorat biex dan ikun imħejji għal dak li ser ikun mistenni minnu fil-futur. L-Ispettorat ġie mgħammar b'apparat modern biex tiżdied l-effiċjenza waqt l-ispezzjonijiet.

Qiegħed jsir ukoll kull sforz biex l-ispezzjonijiet jiġu mferrxa matul diversi ħinijiet tal-ġurnata u għal dan il-għan id-Diviżjoni tas-Saħħa qegħda tidħol għal spiża akbar f'dan is-settur biex titħallas is-sahra. Fejn tidħol is-saħħa tal-poplu l-ebda spejjeż ma jiġu kunsidrati żejda.

Nagħlaq billi nifraħ lill-parteċipanti kollha ta' l-interess u l-impenn tagħkom biex toffru servizz ta' kwalità dejjem ogħla. Nawgura li dak li se ssegwu u tisimgħu f'dan is-seminar tpoġġuħ fil-prattika waqt il-ħidma tagħkom. Id-dedikazzjoni tagħkom u l-infurzar tal-liġijiet fejn ikun hemm il-ħtieġa għandhom jgħinuna biex bl-aħjar mod inħarsu s-saħħa tal-konsumatur.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow