Left arrow Mur Lura

INIZJATTIVI GĦAL TAĦRIĠ FIL-QASAM TAL-KOSTRUZZJONI

pr1656
Date Icon 08/11/2001

Waqt li kien qed iniedi inizjattivi ghal tahrig tal-haddiem fis-settur tal-kostruzzjoni organizzat mill-Building Industry Consultative Council (BICC), il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-aqwa risors li għandu pajjiżna hu dak uman. Għalhekk iridu jittieħdu inizjattivi kontinwi biex il-ħaddiem Malti jkollu taħriġ kontinwu ħalli jżomm lilu nnifsu aġġornat ma' l-aħħar żviluppi u teknoloġija fis-settur, biex hekk tikber l-effiċjenza u magħha l-produzzjoni.

Huwa sahaq li filwaqt li fl-aħħar ta' l-1998 kien hemm jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni 5,775, fl-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena ċ-ċifra telgħet għal 6,426 - żieda ta' 671 impjieg jew ta' kważi 12 fil-mija. Qal li din iż-żieda turi li s-settur tal-kostruzzjoni qed jerga' jirpilja sew minħabba l-proġetti kapitali li qed jitwettqu u anke għaliex l-investiment f'dan il-qasam qiegħed kulma jmur jikber kif jindikaw l-proġetti li hemm għall-approvazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Iż-żieda fl-impjiegi f'dan is-settur hi aspett pożittiv iżda fl-istess waqt qed toħloq ċertu skarsezza f'diversi snajja marbuta ma' din l-industrja. Il-Gvern diga kellu talbiet mis-settur tal-kostruzzjoni biex jinġiebu ħaddiema minn barra iżda tenna li l-ewwel għandna naraw x'inhuma r-risorsi tagħna u li dawn inħarrġuhom ħalli jimlew postijiet vakanti.

Francis Zammit Dimech qal li kien ta' sodisfazzjon li l-Kunsill Konsultattiv għall-Industrja tal-Bini (BICC) kien qed jieħu numru ta' inizjattivi biex jitħarrġu persuni fil-qasam tal-kostruzzjoni. Qal li dan ix-xahar kienu se jibdew żewġ korsijiet, wieħed għal ċertifikat f'middle management fil-qasam tal-kostruzzjoni li se jkun imniedi flimkien ma' l-Universita' ta' Malta u li se jinfirex fuq erba' simesti u kors qasir ta' tliet xhur għall-bennejja f'teorija u prattika. Hu qal li għal dawn iż-żewġ programmi kien hemm madwar 90 applikant. Korsijiet oħra kienu mistennija jsiru għal assistant electrician, assistant plumber, tqegħid ta' madum u plastering, applied course fl-inġinerija mekkanika, applied course fl-inġinerija elettrika, applied course fl-inġinerija elettronika u applied course fi pneumatic & hydraulics.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li kienu se jsiru programmi ta' jum ghal inginiera li kienu qed jipprattikaw il-professjoni tagħhom biex jintroduċuhom għall-Kodiċi Ewropew għal Structural Concrete, għall-Kodiċi tal-Bennejja, strutturi biex iżommu l-ilma, inginerija tal-ħamrija u sigurta'; estetika, disinn u dettaljar; konservazzjoni ta' bini u sostenibbilita'.

Francis Zammit Dimech qal li dawn l-inizjattivi, flimkien ma' inizjattivi oħra biex il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni jkomplu jsiru aktar konxji mis-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol kienu ta' min jinkoraġġihom. Hu qal li l-BICC kienet qed tagħti kontribut qawwi biex is-settur tal-kostruzzjoni jkompli jiżviluppa u jinżamm aġġornat mal-ħtiġiet tal-lum. Francis Zammit Dimech qal li l-aġġornament kontinwu tal-ħaddiema Maltin ma' dak li jkun qed jiġri f'pajjiżi oħra kien sfida li l-BICC qed tilqa'. Tenna li aktar ma' l-ħaddiema professjonali u tas-sengħa jinżammu aġġornati f'ħidmithom akbar tkun l-effiċjenza li tissarraf f'kontribut akbar għas-settur tal-kostruzzjoni u għall-ekonomija tal-pajjiż.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow