SENA TAJBA GĦALL-KWALITA' TAL-BAĦAR
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li s-sajf li għadda kien wieħed mill-aħjar għall-ibħra ta' madwar il-gżejjer Maltin. Il-Ministru kien qed jitkellem waqt dibattitu organizzat mill-Kunsill Studenti Universitarji waqt l-Environment Fair 01, fl-Universita' ta' Malta.
Francis Zammit Dimech qal li l-kwalita' tal-baħar madwar il-gżejjer Maltin tiddependi minn diversi fatturi, l-aktar importanti fosthom is-sistema tad-drenaġġ. Qal ukoll li tul l-aħħar snin, bħala riżultat tas-Sewage Master Plan, saret ħidma estensiva biex tkun modernizzata l-infrastruttura tad-drenaġġ. Fis-sistema tad-drenaġġ mill-1987 'l hawn sar investiment ta' Lm39 miljun, investiment li wassal biex diversi bajjiet popolari mal-Maltin u l-barranin, fosthom dawk ta' San Ġiljan, Marsascala u Birżebbuġia li għal snin twal kien jisbokka fihom id-drenaġġ, saru tajbin għall-għawm wara li nbidlu mains, inbnew pumping stations u tqiegħdu ġeneraturi ta' l-elettriku biex meta jinqata' s-servizz ta' l-elettriku l-pompi jibqgħu jaħdmu xorta.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bejn id-Dipartimernt għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kien hemm ftehim biex flimkien jifformulaw u jimplimentaw programm nazzjonali magħruf bħala National Water Monitoring Programme u li hu konformi ma' l-obbligi tad-direttiva rispettiva ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru qal li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, bejn it-tielet ġimgħa ta' Mejju u t-tielet ġimgħa ta' Ottubru ta' kull sena, kien jieħu kampjuni ta' l-ilma baħar minn 96 lokalita' fejn jsir l-għawm. Kif inkunu morna fl-istaġun partikolari jitkejjel minn numru ta' site-days fejn il-baħar ma jkunx tajjeb għall-għawm. Dawn is-site-days huma n-numru ta' siti minn fejn jittieħdu l-kampjuni multiplikati bin-numru ta' ġranet li sit jibqa' mhux tajjeb għall-għawm. Fi żmien meta s-Sewage Master Plan kien fil-bidu ta' l-implimentazzjoni n-numru ta' site days kien wieħed kbir. Fl-1994 kien hemm 964 jum li matulhom siti fejn isir l-għawm ingħalqu minħabba tniġġiż. Is-sena l-oħra ċ-ċifra niżlet għal 59 jum. Din is-sena ċ-ċifra kienet ta' 56 jum, jiġifieri anke inqas mis-sena l-oħra.
Il-Ministru fakkar li siti fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar ingħalqu għall-għawm f'Lulju wara li kien hemm ħsara fir-rising main tad-drenaġġ. Fil-Mellieħa il-ħsara ssewwiet fl-istess jum. F'San Pawl il-Bahar kien hemm hsara fi gravity main li wkoll ssewwiet fl-istess jum izda billi l-Ministeru nsista li jkun hemm soluzzjoni permanenti ghal din il-problema, li kienet tfisser it-thaffir ta' trinka u t-tqeghid ta' 120 metru ta' main doppju mqiegħed fil-konkos ix-xogħol ħa hamest ijiem. Wahda mill-Pumping Stations kienet qed tithaddem b'rata mnaqqsa bir-riżultat li xi drenaġġ kien sejjer f'Kennedy Grove. Aktar minn nofs il-jiem li fihom siti minn fejn jittieħdu kampjuni ma kenux tajbin għall-ghawm kienu f'dawn iż-żewġ lokalitajiet bħala riżultat ta' din il-ħsara. Dan jiġri għaliex filwaqt li sit jingħalaq immedjatament illi kampjun joħroġ ħażin, biex l-istess post jerġa' jiġi ddikjarat tajjeb għall-għawn irid ikun hemm tliet kampjuni li jittieħdu fi tliet ijiem wara xulxin u li juru li l-baħar hu tajjeb għall-għawm.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li matul is-sajf li għadda l-ftit ħsarat li kien hemm fis-sistema tad-drenaġġ issewwew bl-aktar mod mgħaġġel billi l-ħaddiema ħadmu lejl u nhar sakemm f'kull każ is-sistema nġiebet għan-normal.
Dr Zammit Dimech fakkar ukoll li bajjiet magħluqa, bajjiet fejn jintrabtu dgħajjes u opri oħra tal-baħar, qed ikunu ddikjarati li mhux tajbin għall-għawm. Dawn fil-fatt qatt ma kienu meqjusa li għandu jsir ghawm fihom iżda issa dan qed jingħad ċar. Il-Ministru għall-Ambjent qal li lokalita' oħra fejn il-Gvern iddecieda li għandu jagħti parir li m'għandux isir għawm fiha hi dik tas-Salina taħt il-Miżbla tal-Magħtab. Hu qal li f'din il-lokalita' m'hemmx drenaġġ ħiereġ fil-baħar iżda biex tkun imħarsa s-saħħa tal-pubbliku minn tniġġiż li jista' joħroġ mill-istess miżbla qed ikun rakkomandat li ma jsirx għawm f'dawk l-inħawi. Huwa qal li bħala parti mill-istrateġija integrata għall-immaniggjar ta' skart solidu l-miżbla tal-Maghtab se se tingħalaq sal-2004.
Is-sajf li għadda l-Gvern kellu jħabbat wiċċu wkoll ma' każi ta' sabutaġġ fis-sistema tad-drenaġġ. Qal li kien hemm tliet każi li seħħew f'ġimgħa waħda, l-aktar gravi fosthom kien dak fil-Pumping Station tal-Marsa fejn intefa' zokk twil madwar tliet metri fil-main qabel tidħol għall-Pumping Station. Qal li kieku dan iz-zokk għadda mill-main u nqabad fit-tagħmir tal-pompi kienet issir ħsara kbira f'impjant li minnu jgħaddi aktar minn nofs id-drenaġġ tal-pajjiż.
Il-bajjiet madwar il-gzejjer Maltin jitniġġsu ukoll minn żjut li jintefgħu fil-baħar minn vapuri li jkunu qed isalpaw qrib pajjiżna. Hu qal li f'dawn l-aħħar snin inħolqu l-istrutturi biex niġġieldu kull tip ta' tniġġiż minn żjut fl-ibħra Maltin fejn inxtara wkoll l-apparat u t-tagħmir meħtieġ. Francis Zammit Dimech qal li tniġġiż ieħor kien isir minn skart li jintrama fl-ibħra minn Maltin u barranin li jmorru jqattgħu l-ħin liberu tagħhom fuq ix-xtut u jorganizzaw barbeques.
Il-Gvern kien qed jipprovdi servizz regolari ta' tindif tax-xtut, kien qed jipprovdi kontenituri għall-iskart filwaqt li minn żmien għall-ieħor kienu jsiru kampanji biex jitnaddaf qigħ il-baħar minn għaddasa voluntiera.
Francis Zammit Dimech qal li meta nqabblu l-istatistika tal-kwalita' ta' l-ibħra ta' pajjizna ma' dik ta' ibħra oħra fil-baċir tal-Mediterran insibu li l-bajjiet taghna huma hafna aktar indaf minn dawk f'pajjiżi oħra. Ir-rizultati miksuba matul is-sajf li ghadda juru li l-baħar qatt ma kien nadif daqskemm kien dan is-sajf. Dan bl-ebda mod m'hu se jwaqqafna milli nkomplu naħdmu biex insaħħu s-sistema tad-drenaġġ, biex nibnu impjanti biex id-drenaġġ jissaffa qabel jintefa' fil-baħar, biex inkomplu nsaħħu l-infrastruttura biex nikumbattu tniġġiz miż-żejt u biex noħolqu kuxjenza dwar il-ħtieġa li l-baħar ma nużawhx bħala riċipjent ta' l-iskart għal dak li ma nkunux irridu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN