FESTIVAL TA' KULTURI TAL-GŻEJJER EWROPEJ
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, ħabbret illum li bejn il-Ħamis 15, u s-Sibt 17 ta' Novembru 2001 ser jiġi organizzat f'Għawdex il-Festival tal-Kulturi tal-Gżejjer Ewropej. Din l-inizjattiva kulturali hija riżultat ta' proposta magħmula mill-Ministru għal Għawdex stess fil-Konferenza Ewropea ta' Gzejjer Periferali u Marittimi (CPMR) fl-1999.
Din l-inizjattiva li ser tkompli ssaħħaħ il-ħidma u l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Gozo Tourism Association favur il-promozzjoni ta' Għawdex bħala destinazzjoni turistika b'karattru kulturali, intlaqgħet tajjeb ħafna mal-bqija tal-gżejjer Ewropej. Wara li twaqqaf steering committee b'rappreżentanti ta' kull gżira parteċipant, bien ipoġġu din l-inizjattiva fir-realtà, f'Ġunju li għadda saret l-ewwel edizzjoni tal-Festival fil-gżira ta' Lefkada fil-Greċja. Filwaqt li t-tieni edizzjoni ser issir il-ġimgħa d-dieħla f'Għawdex, ftit ġranet wara ser jingħata bidu għat-tielet edizzjoni fil-gżira ta' Korsika.
Il-Festival f'Għawdex ser jiġi inawgurat nhar il-Ħamis, 15 ta' Novembru mill-Prim Ministru f'ċerimonja li ser issir fi Pjazza Indipendenza fil-11.00 a.m. Tieħu sehem il-Banda tal-Korp tal-Pulizija u tiġi nawgurata wkoll wirja kollettiva ta' arti minn artisti Għawdxin bit-tema "Gozo: an island of beauty". Il-Festival ikompli bi sfilata ta' baned u gruppi parteċipanti, kull filgħaxija bejn il-Ħamis 15, u s-Sibt 17 ta' Novembru 2001 fix-Xagħra, Nadur u Għajnsielem rispettivament.
F'din l-edizzjoni ser jipparteċipaw ħdax-il grupp Għawdxi bejn baned, korijiet, gruppi ta' żfin folkloristiku u gruppi ta' żfin kontemporanju u erba' gruppi folkloristiċi barranin mill-gżejjer Griegi, Sardegna, Sqallija u Korsika.
Huwa l-ħsieb ta' l-iSteering Committee imwaqqaf mis-CPMR, kif ukoll tal-Ministeru għal Għawdex, li dan il-Festival ta' Kulturi tal-Gżejjer Ewropej isir avveniment annwali fiss, fil-kalendarju kulturali u turistiku tal-gżira Għawdxija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN