TNEDIJA TA' QUALITY SERVICE CHARTER GĦALL-ISPETTORAT TAS-SAĦĦA
Il-Gvern f'dawn l-aħħar xhur ħa diversi inizjattivi biex il-Maltin u dawk li jiġu jżuruna jkunu provduti ikel u ilma tax-xorb bnin. Aktar minn hekk il-Gvern irid jiżgura li f'dan il-qasam ikollna livell ta' iġjene li jikkompara ma' dak ta' pajjiżi barranin. Dan għall-benefiċċju ta' kulħadd, kemm ta' dawk li jaħdmu f'dan is-settur, kif ukoll għall-konsumatur. Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara, waqt tnedija ta' Quality Service Charter għall-Ispettorat tas-Saħħa.
Aktar kmieni din is-sena saret ristrutturazzjoni ta' l-Ispettorat tas-Saħħa. Kellna uffiċini li kienu jirċievu lment wieħed kull jumejn. Dan bla dubju kien ħela ta' riżorsi. Għalhekk ingħalqu numru ta' uffiċini u sar tqassim aħjar tax-xogħol u tar-riżorsi biex nilqgħu għall-ħtiġijiet tal-lum. Malta ġiet maqsuma f'ħames reġjuni b'uffiċċju ewlieni u uffiċċju sussidjarju f'kull reġjun b'numru adegwat ta' spetturi tas-saħħa. B'dan il-mod ser isir użu aħjar mir-riżorsi.
Propju f' Awissu li għadda, sar it-tieni qari ta' l-Abbozz ta' Liġi dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Din il-Liġi se tħassar għal kollox liġijiet li ilhom snin jeżistu u li ma kinux jipprovdu għall-bżonnijiet tal-lum. Illum aktar minn qatt qabel kemm il-konsumatur, kif ukoll min jaħdem f'dan il-qasam, jagħrfu l-ħtieġa li għandhom jiġu osservati ċerti regolamenti biex jiġi żgurat li l-ikel li nieklu jkun bnin u mingħajr periklu. Din il-liġi hu mistenni wkoll li tagħti aktar poteri lill-Ispetturi tas-Saħħa. Għaldaqstant dan iċ-Charter jikkumplimenta dan billi l-ispetturi għandhom standards lejn x'hix jimmiraw u b'hekk jiġi żgurat li dawn il-poteri ma jiġux abbużati.
Saħansitra, kompla l-Ministru, numru ta' stabilimenti tal-catering talbuna biex nagħmlu korsijiet għall-ħaddiema tagħhom ħalli almenu dawn ikollhom bażi tar-regolamenti u tal-proċeduri li għandhom jintużaw meta jiġu f'kuntatt ma l-ikel. F'dan id-dawl ftit ġimgħat ilu d-Diviżjoni tas-Saħħa ħarġet regolamenti ġodda dwar ir-reġistrazzjoni ta' postijiet ta' l-ikel u reġistrazzjoni ta' min jipprepara l-ikel.
B'dawn ir-regolamenti ġodda, il-Gvern qiegħed jimmira biex jgħola l-livell fil-produzzjoni u l-konsum ta' l-ikel. L-iskop ewlieni ta' dawn ir-regolamenti huwa biex fil-każ tar-reġistrazzjoni tal-postijiet ta' l-ikel, jinżamm rekord komplet biex ikun jista' jiġi implimentat il-prinċipju ta' farm to fork. L-iskop tar-regolamenti dwar ir-reġistrazzjoni ta' min jipprepara l-ikel huwa dak li jiġi żgurat li dawk kollha li b'xi mod huma nvoluti fil-preparazzjoni ta' l-ikel ikollhom l-informazzjoni neċessarja dwar l-iġjene fl-ikel.
Issa kien imiss li, lill-konsumatur kif ukoll min jaħdem f'dan il-qasam nagħtuhom l-għodda biex ikunu jafu x'inhu mistenni minnhom. U dan hu propju dak li jitratta dan iċ-Charter. Iċ-Charter jiffoka fuq żewġ aspetti: i) spezzjonijiet fuq stabbilimenti ta' l-ikel u ii) l-investigazzjoni ta' l-ilmenti. Il-bżonn li nistabilixxu protokolli kif jiġu trattati l-ilmenti joħroġ ċar mill-fatt li sa' Ottubru ta' din is-sena d-Dipartiment tas-Saħħa rċieva 4188 ilment. Iċ-Charter jispjega l-proċeduri li se jiġu mħaddma fiż-żewġ każi.
Dan iċ-Charter huwa wieħed minn numru ta' Charters li l-Gvern hu kommess li jagħti lill-poplu biex is-servizzi offruti jkunu aktar aċċessibli għall-konsumatur fejn dan ikun iċ-ċentru tas-servizzi offruti. Il-Ministru ħa l-opportunità biex jirringrazzja l-ispetturi tas-Saħħa tax-xogħol siewi tagħhom biex jipproteġu saħħet il-pubbliku, filwaqt li ħeġġiġhom biex jimxu ma l-istandards imsemmija f'dan iċ-Charter biex b'hekk il-kontribut tagħhom jiġi aktar mifhum u apprezzat mill-pubbliku.
Il-Manager ta' l-Ispettorat tas-Saħħa, is-Sur John Attard Kingswell, qall li dan iċ-Charter huwa frott ta' koperazzjoni sħiħa bejn il-partijiet kolha konċernati. Dan iċ-Charter li se jidħol fis-seħħ wara ristrutturazzjoni ta' l-Ispettorat tas-Saħħa, żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi umani u fit-teknoloġija, għandu jkun ta' benefiċċju għal dawk kollha nvoluti f'dan is-settur u għall-konsumatur għaliex issa s-servizzi offruti mill-Ispettorat tas-Saħħa huma aktar 'customer oriented'
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN