Left arrow Go Back

Mlaqqma b’suċċess 7,000 xitla taż-żebbuġ

pr1587
Date Icon 29/10/2001

Il-ħidma tal-Ministeru għall-Agrikoltura biex tingħata spinta lit-tkabbir taż-żebbuġ f’pajjiżna bdiet tagħti l-frott tant li d-domanda għas-siġar taż-żebbuġ żdiedet ħafna, b’mod partikolari min-naħa tal-bdiewa, u kollox juri li l-produzzjoni taż-żebbuġ se terġa’ tibda tagħti s-sehem tagħha lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Biex tkun tista’ tintlaqa’ d-domanda qawwija għas-siġar taż-żebbuġ, aktar kmieni din is-sena tlaqqmu b’suċċess fil-mixtla li d-Dipartiment tal-Biedja għandu fil-kumpless San Vincenz de Paul 7,000 xitla filwaqt li kmieni s-sena d-dieħla mistennija jitlaqqmu mal-5,000 siġra oħra. Is-siġar li tlaqqmu din is-sena se jkunu jistgħu jitqassmu fil-bidu ta’ l-2003 u l-ħsieb hu li t-tilqim jibda jsir kull sena ħalli jkun hawn fis-suq provvista adekwata kull sena ta’ siġar ġodda, iċċertifikati bla mard.

Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit meta inawgura l-festival taż-żjut taż-żebbuġ li qed isir, għat-tieni sena konsekuttiva, f’Peter Calamatta’s Garden Shop and Nursery f’San Ġwann.

Il-Ministru Zammit qal li żebbuġa hi sinonima mal-Mediterran u fakkar li kien hawn żmien, daqs żewġ sekli ilu, meta f’pajjiżna kien hawn eluf kbar ta’ siġar taż-żebbuġ tant li konna mhux biss nipproduċu ż-żejt iżda wkoll nesportawh lejn l-Italja. Fil-fatt Malta kienet saret magħrufa bħala l-Caricator d’Olio. Hu qal li madwar 300 sena ilu kienu nqerdu aktar minn 80,000 siġra biex l-art bdiet tintuża għat-tkabbir tal-qoton.

Hu qal li dan l-iżball kbir li kien twettaq mill-ħakkiema barranin f’pajjiżna, qed issa jissewwa mill-Maltin billi qed nagħtu spinta mill-ġdid lill-produzzjoni taż-żebbuġ, aktar u aktar meta nafu li dawn is-siġar iħobbu ferm ix-xemx kif ukoll l-umdità, li pajjiżna żgur li m’hux nieqes minnhom.

Il-Ministru Zammit żied li bħala parti mill-impenn tal-Gvern biex iwaqqaf din ‘l-industrija’ fuq saqajha, intbagħtu uffiċjali tad-Dipartiment tal-Biedja f’Bari fejn ngħataw taħriġ speċjalizzat fit-tilqim taż-żebbuġ, filwaqt li twaqqfet mixtla apposta għal dan l-iskop fil-kumpless San Vinċenz de Paul. Sentejn ilu tlaqqmu fuq bażi sperimentali madwar 5,000 xitla iżda dawn ma rnexxewx kollha kawża tal-livell għoli ta’ umdità fil-post fejn tħawlu.

Din is-sena tbiddel il-post u, bl-għajnuna ta’ espert minn Bari, il-ħaddiema tad-dipartiment irnexxielhom ilaqqmu b’suċċess 7,000 xitla oħra ta’ kwalità differenti u li jikkonsistu kemm f’żebbuġ ta’ l-ikel kif ukoll f’żebbuġ għall-għasir taż-żejt.

Filwaqt li stqarr li ż-żebbuġa hi waħda mis-siġar favoriti tiegħu, il-Ministru Zammit wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-messaġġ biex inkompli nħaddru lil pajjiżna bis-siġar taż-żebbuġ – li hi wkoll is-simbolu tal-paċi – qed jasal mhux biss fost il-bdiewa, iżda wkoll fost il-Kunsilli Lokali u l-poplu in ġenerali; tant li żdiedet ħafna l-importazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ fl-aħħar tliet snin u dawn qed jitħawlu kemm f’ġonna pubbliċi kif ukoll f’dawk privati. Wera wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li diġà hawn Maltin li għarrfu din l-opportunità ġdida u bdew jipproduċu b’suċċess iż-żejt taż-żebbuġ. Hu wera t-tama li din l-inizjattiva terġa’ wkoll twassal biex ’il quddiem pajjiżna jerġa’ jibda jesporta minn dan il-prodott.

Il-Ministru Zammit ħeġġeġ biex aktar nies jużaw iż-żejt taż-żebbuġ minflok żjut oħra għaliex hu ippruvat li hu tajjeb għas-saħħa, u, fuq kollox, ma fihx kolesterol.

Il-Ministru Zammit wera l-apprezzament tiegħu għall-inizjattivi li qed jittieħdu wkoll mill-privat biex isaħħu l-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam, fosthom din tal-festival taż-żjut taż-żebbuġ li jidher li diġà sab post permanenti fil-kalendarju ta’ l-attivitajiet annwali mabruta mal-qasam agrikolu. Hu qal li inizjattivi bħal dawn ikomplu jgħinu biex is-siġra taż-żebbuġ jerġa’ jkollha preżenza qawwija f’pajjiżna u b’hekk inkunu nistgħu nerġgħu nibdew nipproċudu, wara tant snin, għall-konsum tagħna u forsi wkoll għall-esportazzjoni żejt taż-żebbuġ li jikkompeti ma’ żejt prodott f’pajjiżi oħra fl-istess reġjun

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow