Left arrow Mur Lura

PROĠETT LI SER JIKKONTRIBWIXXI GĦAR-RIĠENERAZZJONI TAL-KOTTONERA

pr1572
Date Icon 26/10/2001

Waqt li kien qed izur il-progett tal-kumpless sportiv li qed jinbena fil-Kottonera, flimkien mas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, il-Perit Jesmond Mugliett, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li d-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent qed iwettaq diversi proġetti kapitali mal-pajjiż kollu.

Il-Ministru qal li dan id-Dipartiment lesta l-offerti għall-bini ta' uffiċini ġodda għad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u għall-irrangar taċ-Ċentru tas-Saħħa f'Raħal Ġdid. Id-Dipartiment qed iwettaq il-proġett taċ-Ċentru għar-Riżorsi tal-Familja fil-Kottonera u qed ikompli l-proġetti ta' tisbiħ f'San Ġiljan, Marsascala, Birżebbuġia u x-Xgħajra. Il-Ministru għall-Ambjent qal li proġetti oħra li qed iwettaq dan id-Dipartiment hu l-ammeljorament tal-Ġnien Pubbliku fil-KGV fil-Floriana, li mistenni jitlesta sa Marzu 2002, l-upgrading tal-Ġnien Pubbliku fi Triq Diċembru 13 li wasal biex jitlesta, u l-upgrading ta' Misraħ il-Parroċċa ta' l-Imġarr, fejn ix-xogħlijiet mistennija jibdew meta l-Kunsill Lokali jlesti xogħlijiet ta' kostruzzjoni li qed isiru fuq is-sit.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-akbar proġett li qed iwettaq dan id-Dipartiment bħalissa hu dak tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, wieħed minn tliet kumplessi li l-Gvern preżenti qed jippjana li jibni f'Malta. Hu qal li l-proġett ta' l-impjant sportiv tal-Kottonera hu l-ewwel wieħed li kien kummisjonat lid-Design Unit tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija għad-disinn. Id-disinni tlestew, kienu approvati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u sottomessi lill-Awtorità ta' l-Ippjanar għall-approvazzjoni. Hu qal li l-istess disinji ntbagħtu lil CONI - l-awtorità sportiva ta' l-Italja, li tat il-pariri tagħha dwar l-aspetti tekniċi tal-proġett. Ix-xogħol tal-bini fuq dan il-proġett beda f'Jannar li għadda u hu mistenni li jitlesta kmieni fl-2003 ghall-Loghob tal-Pajjizi ż-Żgħar li se jsiru f'Malta f'Ġunju 2003.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li sal-lum tlesta 30 fil-mija tax-xogħol ta' kostruzzjoni ta' dan il-proġett. Qal li l-istrutturi ta' l-azzar għas-saqaf qed isiru fl-impjant tal-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li dan il-proġett hu wieħed importanti għaż-żgħażagħ Maltin għaliex se jżid impjant ieħor fejn dawn ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport favorit tagħhom. Qal li dan il-kumpless se jiġbor fih sala għall-isports kbira biżżejjed biex takkomoda logħob tal-handball, basketball, badminton u volleyball fuq livell intenazzjonali. Is-sala takkomoda 1,300 spettatur f'erba' taqsimiet; u bi ħruġ u dħul apposta għal kull sezzjoni. Se jkun hemm ukoll kumpless għal-logħob tal-bocci li jakkomoda 300 spettatur. Il-kumpess se jkun fih changing rooms bizzejjed ghall-atleti, ufficjali u impjegati, uffiċċji amministrattivi, swali għat-taħriġ, fitness gymnasium, u faċilitajiet għall-parking. Il-kumpless se jkun aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Gvern preżenti, konxju mill-importanza li l-isport għandu fil-formazzjoni taż-żgħażagħ, wiegħed li jibni tliet kumplessi sportivi f'Malta, wara li diġà bena dak tar-Rabat f'Għawdex. Qal li dan juri li dak li jwiegħed il-Gvern preżenti jwettqu.

Francis Zammit Dimech qal li l-bini ta' dan iċ-ċentru sportiv fil-Kottonera juri wkoll l-impenn tal-Gvern li jiġġenera dawn l-inħawi. Fakkar li fil-Kottonera digà twettqu minn dan il-Gvern proġetti importanti bħal bini tad-Dar ghall-Anzjani, Ċentru tas-Saħħa u bini ta' appartamenti. Fakkar fix-xogħol vast ta' restawr li qed isir fit-tliet ibliet. Fakkar fil-proġett tal-Kottonera li issa qabad ritmu tajjeb. Qal li matul is-sena d-dieħla dan il-proġett se jidħol f'fażi interessanti għaliex se nibdew naraw id-diversi komponenti tiegħu jitlestew. Se naraw ukoll il-bidu tal-bini tal-yacht marina li mistennija tilqa fiha mega yachts minn madwar id-dinja.

Il-Ministru għall-Ambjent fakkar ukoll li l-Gvern kien qed jieħu ħsieb li jsaħħaħ is-sistema tad-drenaġġ fil-Birġu biex tkun tiflaħ mal-ħtiġiet tal-proġett tal-Kottonera u biex ikunu solvuti problemi fis-sistema tad-drenaġġ li hemm f'din il-lokalità. Hu qal li flimkien mat-titjib fis-sistema tad-drenaġġ kienu se jissaħħu wkoll is-servizzi ta' l-elettriku u l-ilma biex b'hekk l-infrastruttura tkun modernizzata għall-ħtiġiet tat-tliet lokalitajiet.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li għall-Gvern preżenti l-Kottonera hi parti minn Malta daqs kull lokalità oħra. Kien f'dan l-ispirtu li kienu qed jitwettqu diversi proġetti, inkluż dan tal-Kumpless Sportiv, li f'inqas minn sentejn għandu jitlesta minn kollox.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow