Titnieda Karta tad-Drittijiet u tar-Responsabilitajiet tal- Pazjent
"Nemmnu li s-setgħa f’idejn il-pazjent hi l-muftieħ għal titjib fis-servizz. Għal dan il-għan qegħdin nippublikaw Karta tad-Drittijiet u tar-Responsabilitajiet tal-Pazjent. Illum il-pazjenti għandhom lil-faċilitajiet li jkollhom aċċess għal taghrif dwar is-saħħa u l-mard. Bi dritt jistennew li jiġu trattati bħala sħab mill-professjonisti tas-saħħa li jipprovdu s-servizz." Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara meta kien qiegħed jintroduċi din il-karta fiz-zmien li qegħda tkun ċelebrata l-festa ta’ San Luqa.
Dan qed iseħħ fil-kuntest ta’ ħidma intensiva fis-servizzi kollha li jipprovdi l-Gvern bil-għan li l-klient jitpoġġa fic-centru ta’ l-inizjattivi u l-attivitajiet. Fil-qasam tas-saħħa l-pazjent huwa klient speċjali. F’dan is-settur mhux biżżejjed li nipprovdu kura ta’livell tajjeb imma rridu niżguraw li minn kull aspett nagħtu kura ta’ l-oghla livell possibbli.
Il pazjenti għandhom aspettativi leġittimi. Għandhom id-dritt li jsiru jafu x’għandhom jistennew minn kull servizz. Għandhom ukoll l-obbligu li jerfgħu certi doveri. Hu b’dan il-mod li tinħoloq sħubija bir-riżultat li jkollna sew il-klient u kemm l-impjegati fil-kura tas-saħħa sodisfatti. Dan għandu jwassal biex jitkattar aktar titjib fis-servizz kompla jgħid il-Ministru tas-Saħħa.
Din il-Karta hija inizjattiva tal-Kumitat għat-Tmexxija ta’ l-Isptar, għax jemmen li għandu jtejjeb l-imġieba ta’ min jipprovdi s-servizz kif ukoll tal-klienti, sew jekk huma pazjenti, kemm jekk qraba kif ukoll jekk viżitaturi oħra.
Il-Ministru tas-Saħħa rringrazzja lill-Kumitat tat-Tmexxija ta’ l-Isptar għal din l-inizjattiva. "Dan hu l-ewwel pass. Hu ttamat li fi zmien mhux il-bogħod, jiġi pubblikat Patients’ Charter komprensiv, li joffri garanziji tas-servizz lill-klienti kollha tas-sahha" temm jgħid il-Ministru.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN