Left arrow Mur Lura

IT-TIELET SENA TA’ ĦIDMA TAL-GVERN: "INSAĦĦU PAJJIŻNA" – MINISTERU TA’ L-AFFARIJIET BARRANIN Ir-rapport jirrefletti x-xogħol kollu li l-Ministeru wettaq matul dawn l-aħħar tnax-il xahar mill-ewwel ta’ Settembru tas-sena 2000 sa l-aħħar ta’ Awissu

pr1529
Date Icon 19/10/2001

Ħidma fl-Ewropa


Progess tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea


L-għan tagħna jibqa’ li ninnegozjaw bis-sħiħ biex niksbu l-aħjar pakkett għal Malta għas-sħubija fl-UE.Minn disa’ u għoxrin-il kapitlu sostantiv ta’ l-acquis communautaire, ingħalqu sbatax. (Anness 1)Din is-sena rnexxielna ninnegozjaw erba’ perijodi tranżizzjonali – ta’ min isemmi partikolarment il-moviment ħieles tal-ħaddiema. (Anness 1)Saħħaħna l-impenn tagħna biex inkattru proċess konsultattiv – minbarra dsatax-il laqgħa tal-MEUSAC, organizzajna wkoll serje ta’ sebgħa u għoxrin laqgħa informali ma’ ’l fuq minn mitt assoċjazzjoni involuti fil-MEUSAC – dan apparti l-laqgħat tekniċi li jsiru s-soltu.Ippubblikajna l-istudji li ġew ikkummissjonati dwar l-impatt ta’ sħubija – u issa ħadna pass ieħor sabiex il-pubbliku jista’ jifhem x’hemm f’dawn l-istudji permezz ta’ laqgħat ta’ informazzjoni



Ħidma Bilaterali


Ir-rabtiet mal-pajjiżi ta’ l-Ewropa komplew jissaħħu fuq livell bilaterali u fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ Malta għas-sħubija fl-UE permezz ta’ diversi laqgħat u kuntatti:

Mal-Membri ta’ l-Unjoni Ewropea

Kelli diversi laqgħat kemm barra kif ukoll permezz ta’ żjarat li saru f’Malta mal-Ministri jew sotto-Segretarji ta’ l-Affarijiet Barranin ta’:Spanja, l-Ingilterra, l-Olanda, l-Italja, l-Awstrija, il-Ġermanja, l-iSvezja, il-Lussemburgu, il-Portugall, u l-Belġju.


Il-Prim Ministru għamel żjarat uffiċjali gewwa l-Ġermanja u Franza filwaqt li l-Prim Ministru Grieg għamel żjara f’Malta.

Il-President għamel żjara uffiċjali fl-Ingilterra, u żjarat statali fl-Estonja, Slovakkja, Slovenja u Bulgarija.


Pajjizi applikanti għall-Unjoni Ewropea

Ingħatat ukoll importanza lill-pajjizi kandidati oħra permezz ta’ żjarat li saru f’Malta mill-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Latvja u l-Ungerija. Kelli wkoll taħdidiet mal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Ċipru u l-Litwanja f’żjarat li sar f’dawn il-pajjizi.

Il-Prim Ministri tas-Slovakkja u l-Estonja ghamlu żjarat f’Malta fejn kellhom taħdidiet mal-Prim Ministru Malti.



Ħidma fil-Mediterran


Parteċipazzjoni fl-Isfond Regjonali

Malta pparteċipat f’diversi laqgħat reġjonali li jittrattaw b’mod differenti dan ir-reġjun:


Konferenza Ewro-Mediterranja

F’Novembru 2000 attendejt għal-laqgħa Ministerjali li saret f’Marsilja, Franza.


Western Mediterranean Forum (5+5)

F’Jannar 2001 ta’ din is-sena l-pajjiżi tal-Punent tal-Mediterran ltaqgħu f’Tuneż sabiex jippreparaw għal-laqgħa Ministerjali sabiex jerga’ jitlaqqa’ il-Western Mediterranean Forum. Malta ġiet inkarigata li tlaqqa’ rappreżentanti ta’ l-Universitajiet sabiex jiddiskutu l-kultura u ċivilizzazzjoni tar-reġjun.


Il-Forum Mediterranju

It-tmien laqgħa Ministerjali saret f’Tangiers f’Mejju 2001. Ġew introdotti numru ta’ inizjattivi ġodda li għandhom jgħinu t-tkabbir ta’ ‘l hekk imsejjaħ ‘Mediterranean Image’. Fost dawn Malta proponiet li jiġi ntrodott Mediterranean Award.


Ħidma Bilaterali

Spikkaw din is-sena r-relazzjonijiet tajbin bejn Malta, il-Libja u t-Tuneżija

Libja – saru diversi laqgħat Ministerjali bejn Malta u l-Libja – tkompliet il-ħidma biex insaħħu r-rabtiet tagħna mal-Libja li rrizultaw fid-deċizjoni li jinfetaħ uffiċċju tal-Bank of Valletta f’Tripli. Infetħet ukoll fergħa kummerċjali fl-Ambaxxata Maltija ġewwa TripliTuneżija –Fl-aħħar gimgħa ta’ Ottubru 2000, għall-okkazjoni tal-ftuħ ta’ uffiċċju rapprezentattiv tal-Bank of Valletta, żort it-Tuneżija u kelli laqgħa mal-Ministru Habib Ben Yahia. F’April 2001, il-Prim Ministru tat-Tuneżija żar Malta. Matul din iż-żjara, il-Prim Ministri ta’ Malta u tat-Tuneżija ffirmaw Ftehim ta’ Koperazzjoni dwar il-Protezzjoni Ċivili u Ftehim ta’ Koperazzjoni dwar Investigazzjonijiet Kriminali.



Ħidma f’Pajjiżi Oħrajn

`
Din is-sena spikkaw ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti u ċ-Ċina:

Stati Uniti – Ġie ffirmat Ftehim fuq it-Trasport bl-ajru bejn Malta u l-Istati Uniti. Dan il-ftehim mistenni li jiffaċilita l-provediment tas-servizzi bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi filwaqt il-Kungress Amerikan approva l-għotja ta’ tlettax-il miljun dollaru Amerikan lill-Gvern Malti għall-perijodu tas-sentejn li gejjin. Dawn il-fondi se jkunu qed jintużaw biex tingħata għajnuna lill-Forzi Armati ta’ Malta, speċjalment biex ikomplu jissaħħu l-kapaċitajiet li għandha fl-oqsma ta’ l-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvatagg fuq il-baħar, kif ukoll biex jinxtara apparat sofistikat li jkun jista’ jintuża biex jiġi evitat it-trasport ta’ materjal illegali minn portijiet Maltin.Ċina – Ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina hadu spinta ’l quddiem biż-żjara uffiċjali tal-President ta’ Malta akkumpanjat minni fiċ-Ċina f’Lulju 2001. Matul din iż-żjara uffiċjali ġew iffirmati wkoll tliet dokumenti. Avveniment ieħor importanti kienet iż-żjara tal-President Ċiniz, Jiang Zemin li zar Malta bejn it-23 u l-25 ta’ Lulju 2001. Waqt din iż-żjara ġew ukoll iffirmati tliet ftehim f’oqsma differenti u ġiet ikkonsolidata d-deċiżjoni biex jinfetaħ Ċentru Kulturali Ċiniz f’Malta.


Ftehim Bilaterali

Ġew iffirmati erbgħa u tletin ftehim bilaterali ma’ pajjizi differenti f’diversi oqsma fosthom fuq is-servizzi ta’ l-arju, il-kooperazzjoni fit-turiżmu, fil-ġlieda kontra t-traffikar internazzjonali tad-droga, is-saħħa, kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana, kif ukoll fil-qasam tat-taxxa doppja. Dan jirrizulta f’żieda ta’ iżjed mid-doppju tat-ftehim bilaterali li ġew ffirmati mis-sena li għaddiet. (Anness 2)


Ħidma Multilaterali


Malta kompliet bil-ħidma attiva tagħha f’organizzazzjonijiet internazzjonali:


Ġnus Magħquda

Saħħaħna l-parteċipazzjoni ta’ Malta fid-diversi Kumitati u organi ta’ din l-organizzazzjoni permezz ukoll ta’ l-elezzjoni ta’ Maltin f’karigi għolja:

Malta saret membru tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti

L-Imħallef Patrick Vella ġie elett biex iservi fil-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem

L-Imħallef Lino Agius ġie elett biex iservi fuq il-Qorti Internazzjonali dwar Atti Kriminali li seħħew qabel l-1991 ġewwa t-territorju li kien jifforma l-Jugoslavja (International Criminal Tribunal for the Former Yugoslavia)

Malta għadha sservi wkoll fuq l-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-BaħarMalta ġiet eletta biex isservi bhala Viċi-President tas-sessjoni kurrenti ta’ l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.


Commonwealth

Wara li ġiet milqugħa l-proposta tal-Prim Ministru Malti fuq il-ħtieġa li tingħata iżjed importanza għall-iżviluppi fil-teknoloġija informatika mill-Commonwealth, saru diversi laqgħat minn grupp maħluq apposta biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lil-laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth. Ingħatat ukoll assistenza f’diversi oqsma ta’ konsulenza u boroz ta’ studju mill-Commonwealth.


L-Organizzazzjoni tas-Sigurta` u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE)

Attendejt ghal laqgħa fi Vjenna fl-aħħar ta’ Novembru 2000 fejn kelli laqgħat bilaterali mal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Italja, il-Portugall, il-Finlandja, il-Greċja, is-Slovenja, il-Litwanja u s-Slovakkja.Id-delegazzjoni Maltija kellha r-responsabbiltà li taqdi d-dmirijiet tal-Presidenza ta’ ‘Forum for Security Co-operation’ matul ix-xahar ta’ Jannar 2001.

Malta kompliet bil-ħidma tagħha biex issaħħaħ id-dimensjoni Mediterranja f’din l-organizzazzjoni.


Il-Kunsill ta’ l-Ewropa

Esperti Maltin ipparteċipaw f’iżjed minn sittin laqgħa ta’ kumitati speċifiċi tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Dawn il-laqgħat jittrattaw fuq diversi oqsma bhalma huma fost oħrajn id-Drittijiet tal-Bniedem, is-saħħa u l-koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja. (Anness 4)


Ftehim Multilaterali

Ġew iffirmati għoxrin konvenzjoni – sebgħa minnhom għandhom x’jaqsmu ma’ l-Ambjent, tnejn fuq l-koperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u kriminalità organizzata – tnejn fuq id-diżarm, tnejn fuq l-estradizzjoni, tnejn fuq il-korruzzjoni u koperazzjoni fil-qasam tal-kriminalità, waħda fuq il-kummerċ fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili, tnejn fuq id-drittijiet tat-tfal, waħda fuq il-komunikazzjoni awdjo-viżiva, u waħda fuq "temporary admission". (Anness 3)


Ħidma fost il-Komunitajiet Maltin barra minn Maltau Xogħol Konsulari


Wara li ġiet organizzata l-Konvenzjoni tal-Mexxejja ta’ l-Assoċjazzjonijiet tal-Maltin ta’ Barra u ta’ Nisel Malti f’Malta f’Jannar tas-sena 2000, il-Ministeru ħa ħsieb li jibda jattiva parti mill-konklużjonijiet tal-Konvenzjoni.Ingħatat importanża lill-komunitajiet Maltin gewwa l-Amerika meta l-Prim Ministru akkumpanjat minni żar il-komunitajiet fl-Amerika u l-Kanada.

Bdiet ħidma biex jinbena database tal-Maltin residenti barra minn Malta.

It-Taqsima tal-Protokoll kienet responsabbli mit-tħejjijiet ghal żjarat li ghamlu f’Malta diversi dinjitarji għolja barranin kif imsemmija hawn fuq.Mil-lat konsulari, il-Ministeru jieħu ħsieb ukoll li jgħin, skond kif ikun meħtieg, lil dawk iċ-ċittadini Maltin li jiġu bżonn kull xorta ta’ għajnuna waqt li jkunu msiefrin.


Ħidma Amminstrattiva


Il-Ministeru kompla jwettaq riformi ta’ struttura u tkabbir biex jkun jista’ jilqa’ aħjar għall-isfidi tal-ġejjieni:

Sar reklutagg ta’ għadd ta’ second secretaries filwaqt li diġà beda l-process biex jerġa’ jsir reklutagg ġdid.Sar ukoll tisħiħ tad-Direttorat ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-MIC.Infethet Ambaxxata ġdida f’The Hague u ġie nawgurat il-bini ġdid ta’ l-Ambaxxati Maltin ġewwa Beijing u Berlin.Ġie nawgurat website ġdid tal-Ministeru sabiex tingħata iżjed informazzjoni b’mod effiċjenti lill-pubbliku.Total ta’ seba’ u erbgħin avviz ta’ boroz ta’ studju ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Barra minn hekk, kien hemm ukoll wieħed u għoxrin applikazzjoni oħra minn studenti li kien diġà qed jistudjaw fl-Italja, il-Grecja u l-Indja, li talbu biex il-borza ta’ studju tagħhom tiġġedded.

  1. Anness 1
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow