IT-TIELET SENA TA' ĦIDMA TAL-GVERN: "INSAĦĦU PAJJIŻNA" - MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono dalgħodu ppreżentat ir-rapport ta' ħidma ta' din it-tielet sena fil-leġislatura, waqt konferenza ta' l-aħbarijiet fil-Ministeru għal Għawdex.
Hija tkellmet dwar il-qasam ta' l-Edukazzjoni fejn matul din l-aħħar sena tkomplew ix-xogħlijiet infrastrutturali f'għadd ta' skejjel f'Għawdex, ġew inawgurati l-ewwel sett ta' laboratorji fiċ-Ċentru għal Studji Avvanzati 'Sir M.A. Refalo', ġiet organizzata edizzjoni oħra tal-Careers Convention, saru iktar skambji ta' studenti Għawdxin ma' oħrajn Ewropej u twaqqaf l-ewwel Kunsill ta' l-Edukazzjoni għal Għawdex.
Dwar il-qasam tas-Saħħa il-Ministru Debono rreferiet għax-xogħlijiet ta' mmodernizzar fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex, il-bidu tax-xogħlijiet meħtieġa sabiex jitwettaq il-proġett għar-Residenza ta' Nisa Anzjani, kif ukoll it-tagħmir ta' units ta' Airconditioning fis-Swali tal-Maternità u f'dawk ta' l-Irġiel u n-Nisa.
F'dak li għandu x'jaqsam mat-turiżmu matul din l-aħħar sena Għawdex ipparteċipa f'erba' fieri internazzjonali. Twaqqfet skema ta' taħriġ barra minn Malta għall-benefiċċju ta' ħaddiema fis-settur turistiku Għawdxi filwaqt li tjieb b'mod sostanzjali t-trasport bejn il-gżejjer permezz ta' l-akkwist tat-tieni vapur m.v. Gaudos. Ma jistax jonqos ix-xogħol fuq il-mollijiet tal-Port ta' l-Imġarr, illi flimkien mal-ħidma ta' l-Awtorità Marittima Maltija fil-port taċ-Ċirkewwa għandu jtejjeb il-faċilitajiet ta' trasport bejn il-gżejjer Maltin. Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għaż-żieda ta' 62% fiċ-ċifri ta' turisti illi qagħdu f'lukandi f'Għawdex kif ukoll għaż-żieda ta' 55% f'bed nights li ġiet reġistrata f'dawn l-aħħar erba' snin għall-perijodu Jannar-Ġunju.
Fil-qasam tal-Kultura l-Ministeru għal Għawdex matul din l-aħħar sena wettaq xogħol relatat ma' manutenzjoni u restawr ta' siti storiċi u mużewijiet, fosthom iċ-Ċittadella u l-Ġgantija. Organizza diversi attivitajiet kulturali, fosthom l-ewwel edizzjoni ta' 'Ċittadella 2001' u l-Karnival. Ta inċentivi u premijiet ta' madwar Lm24,000. Il-Ministeru għal Għawdex ipparteċipa fi tlett inizjattivi internazzjonali b'riżq il-kultura Għawdxija, li huma WIRTNA - Bridging Sea to Sea, European Festivals of Islands Cultures, u Feasts of the Sun. Dawn it-tlett inizjattivi jaraw promozzjoni qawwija ta' l-artiġġjanat, gruppi kulturali u ċelebrazzjonijiet lokali barra minn Malta.
Fil-qasam ta' l-isport saru xogħlijiet infrastrutturali u ta' modernizzar fuq għadd ta' faċilitajiet eżistenti madwar il-gżira. Ġiet organizzata għal darb' oħra Skola Sport kif ukoll, għall-ewwel darba, Student-Teacher Games.
Il-Ministru għal Għawdex tkellmet ukoll dwar ix-xogħol infrastrutturali li twettaq fil-gżira matul din l-aħħar sena fosthom dawk ta' patching, asfaltar, manutenzjoni u kostruzzjoni f'diversi toroq, funtani u soft areas f'lokalitajiet differenti madwar Għawdex. Tlestiet it-tielet fażi tal-kostruzzjoni tal-kanal prinċipali ta' l-ilma tul Triq Fortunato Mizzi, illi għandu jindirizza b'mod konkret il-problema ta' għarar fix-xitwa.
Irreferiet ukoll għall-problema ta' l-ipparkjar f'Għawdex, fejn għal sena oħra reġgħu infetħu għall-pubbliku l-grounds ta' l-iskejjel sekondarji u terzjarji sabiex din il-problema tittaffa b'mod temporanju. Soluzzjoni long term tintlaħaq permezz tal-materjalizzazzjoni tal-pjanijiet għaċ-Ċentru Komunali t'Għawdex. Rigward dan il-proġett, il-Ministru għal Għawdex qalet li matul din l-aħħar sena saru diversi laqgħat minn kumitat maħtur apposta, flimkien ma' studji li jiddeterminaw il-ġeoloġija tas-sit, kif ukoll id-diversi possibilitajiet ta' użu ta' l-art li jagħmlu l-proġett ekonomikament vijabbli.
Matul din l-aħħar sena tkompliet il-ħidma fuq il-Master Plan tad-Drenaġġ, ġiet imsaħħa l-provvista ta' l-elettriku permezz tat-tqegħid ta' submarine cable ġdid, inbeda x-xogħol u ġiet iffinalizzata l-ewwel fażi għat-tindif ta' skart mill-industrija tal-bini fid-Dwejra, kif ukoll sar iktar kontroll fuq it-tip u l-kwantità ta' skart mitfugħ fix-Xagħra Refuse Centre. Għal sena oħra saret il-kampanja Clean up the seas fejn ittella' skart mitfugħ fil-baħar, minn għaddasa professjonali.
Il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, il-Fondazzjoni Gaia, il-Bank of Valletta kif ukoll il-Euro-Mediterranean Centre on Insular Coastal Dynamics (ICoD) inawguraw l-ewwel Coastal Zone Management Plan għar-Ramla illi sar b'fondi mill-programm LIFE ta' l-Unjoni Ewropea.
Matul din l-aħħar sena saru xogħlijiet infrastrutturali fil-Biċċerija, fil-Pitkalija t'Għawdex, kif ukoll f'għadd ta' farmroads, slipways u winches madwar il-gżira. Ingħataw ukoll għadd ta' sussidji biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali ta' trasport bejn il-gżejjer, biex bdiewa u sajjieda Għawdxin ikunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom f'Malta. Ġiet organizzata edizzjoni oħra tal-Wirja tal-Biedja u Snajja' mis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali t'Għawdex.
Fil-qasam soċjali ġiet offruta għajnuna regolari permezz ta' l-NGO Centre lil għadd ta' għaqdiet non-governattivi Għawdxin. Tqassmu Lm16,000 f'għajnuniet lill-istess għaqdiet minbarra s-servizzi oħra regolari.
Fuq livell amministrattiv matul din l-aħħar sena ġiet mogħtija għajnuna lil diversi Kunsilli Lokali Għawdxin permezz ta' riżorsi umani, kif ukoll materjal sabiex dawn ikunu jistgħu jamministraw il-lokalità tagħhom b'mod iktar effiċjenti. Din is-sena f'Għawdex ġiet reġistrata l-inqas rata ta' qgħad li qatt kienet f'dawn l-aħħar snin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN