PAZJENTI B'MARD MENTALI U L-ĦAJJA TAX-XOGĦOL
F'din is-sena dedikata għas-saħħa mentali mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, id-Diviżjoni tas-Saħħa flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, kattru l-impenn tagħhom sabiex il-viżjoni tar-riforma f'dan is-settur tilħaq il-miri tal-politika nazzjonali dwar is-servizz mentali. Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa fil-ftuħ ta' seminar "Challenges in the Work Environment" fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali.
Il-Ministru qal li f'dan il-qasam għaddejja riforma bbażata fuq prevenzjoni ta' mard psiko-soċjali u fuq il-ħolqien ta' nisġa ta' servizzi ta' kura preferibbilment fil-komunità. Il-ħidma f'dan is-settur ftit li xejn tidher għaliex l-esperjenza tgħallem li f'qasam hekk sensittiv li għadu jġorr miegħu stigma, wieħed irid jaħdem bil-galbu u pass pass.
Konxji mill-bżonn li tiġi eliminata din l-istigma magħġuna mal-mard mentali ġie mniedi proġett edukattiv fejn studenti minn skejjel sekondari qattgħu jum mal-pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli. Wara din l-esperjenza rriżulta li sebgħa u tmenin fil-mija ta' l-istudenti bidlu favorevolment l-impressjoni tagħhom dwar il-pazjenti u kienu lesti li jaċċettawhom fis-soċjetà. Dan il-proġett kien imfaħħar mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u qiegħed jiġi mxerred mill-istess Għaqda f'pajjiżi Ewropej, kompla jgħid il-Ministru.
Illum il-ġurnata qegħdin naraw sinjali pożittivi bħala riżultat ta' servizzi ġodda li qegħdin jagħtu lura dinjità lill-persuni li jbatu b'dan il-mard. Dan għaliex qiegħda issir ħidma biex fejn hu possibbli pazjenti fl-isptar jingħataw xogħol bi ħlas. F'każi oħrajn il-kura multidixxiplinarja tara li kura effettiva tingħata fl-iqsar żmien possibbli u jekk jista' jkun fil-komunità biex il-klijent ikun jista' jibqa' għaddej bil-ħajja soċjali tiegħu inkluż fuq ix-xogħol.
Hemm il-ħsieb li titwaqqaf koperattiva soċjali, li mhux biss tipprovdi riabilitazzjoni permezz ta' skemi ta' xogħol produttiv, imma ukoll tfassal proġetti bi sħab mas-settur privat. Dawn il-proġetti se jitmexxew fuq bażi kummerċjali li jipprovdu sheltered work permanenti għal ċerti kategoriji ta' klijenti b'mard mentali.
Konvinti li b'impenn mill-partijiet soċjali kollha u b'politika soċjali aġġornata għall-ħtiġijiet tal-klijenti, ser inkomplu ntejbu l-qagħda soċjali ta' dawk b'mard mentali billi ngħinuhom u nagħtuhom opportunitajiet biex jgħixu ħajja indipendenti biex hekk ħadd ma' jibqa' lura, temm igħid il-Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN