INĦARSU X-XTUT U L-BAĦAR MADWARNA
Waqt li kien qed jindirizza studenti li kienu qed jieħdu sehem f'attività organizzata minn Planet Sea Productions, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-fatt li l-baħar jidher tista' tgħid minn kull rokna ta' pajjiżna, u li kull wieħed u waħda minna sa minn żgħar imdorrija naraw il-baħar u x-xtut ta' pajjiżna bħala post ta' rekreazzjoni, iġiegħlna nieħdu l-baħar xi ftit for granted.
Huwa qal li l-baħar u x-xtut diffiċli tifridhom ekoloġikament għaliex it-tnejn jiffurmaw habitat mill-aktar produttiv sew f'dak li huma riżorsi naturali kif ukoll għal kenn li joffru lil għadd ta' ħlejjaq li jgħixu f'dan l-ambjent marittimu.
Francis Zammit Dimech qal li apparti l-użu rekreattiv il-baħar jintuża mill-bniedem għan-navigazzjoni, sew dik ta' pjaċir bħal ġiti fuq cruise liners kif ukoll għall-ġarr ta' merkanzija. Hu qal li pajjiżna qiegħed kulma jmur jilqa' dejjem aktar cruise liners tant li issa wasalna biex nibnu cruise passenger terminal ġdid. Fl-istess waqt iż-żieda fil-ġarr ta' merkanzija wasslet biex inbena l-Port Ħieles li minnu jgħaddu 'l fuq minn miljun container fis-sena.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-baħar jintuża wkoll għall-esplojtazzjoni ta' riżorsi bħall-ħut. Ħut li jinqabad fl-ibħra miftuħa jew li jitkabbar permezz ta' l-industrja ta' l-akwakultura. Il-baħar jintuża wkoll għall-esplorazzjoni taż-żejt, iservi bħala sors ta' ilma biex jitkessħu t-turbini tal-power stations, iservi bħala sors ta' ilma għax-xorb li jista' jintuża wara li jissaffa mill-imluħa.
Huwa qal li l-baħar jintuża wkoll għal skopijiet inqas nobbli. Qal li l-baħar iservi ta' kontenitur li fih jintefa' kull xorta ta' skart solidu u likwidu. Qal li fil-baħar jintefgħu żjut u skart ieħor mill-vapuri, skart minn zoni residenzjali u industrjali. Fil-baħar jintefa' ilma mniġġeż mill-miżbliet u minn zoni agrikoli li jużaw pestiċidi u fertilizzanti. Fil-baħar jintefa' d-drenaġġ. Iz-zona kostali tintuża għar-rekreazzjoni, għal użu residenzjali, agrikolu, turistiku u industrjali.
Ftit huma dawk iz-zoni li jinsabu taħt pressjoni ta' interessi, ħafna drabi konfliġġenti, bħalma tinstab iz-zona kostali. Hu qal li ħafna drabi din il-pressjoni għall-iżvilupp tirriżulta f'qerda ta' ambjenti uniċi u sinjuri ta' biodiversività bħalma huma sand dunes u wetlands.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li z-zona kostali hi ambjent fraġli. Qal li dan kien rikonoxxut b'mod formali fir-reġjun tal-Mediterran tant li fl-1976 daħlet il-Konvenzjoni ta' Barċellona. Fakkar li minn dakinhar dan il-ftehim kien imsaħħaħ b'għadd ta' protokolli li jikkontrollaw it-tfiħ ta' skart, it-trasferiment ta' skart bejn pajjiż u ieħor, it-tniġġiż minn żejt u sustanzi oħra, il-ħarsien ta' zoni protetti. Il-Ministru għall-Ambjent fakkar ukoll li din il-Konvenzjoni fl-1995 issaħħet b'numru ta' emendi li fost affarijiet oħra jagħtu għarfien formali lill-kunċett tas-sostenibbiltà kif imfisser f'Agenda 21 u lill-ħarsien taz-zoni kostali. Hu qal li Malta ħadet fuq spallejha l-obbligi li l-emendi għal din il-Konvenzjoni, kif ukoll il-protokolli jġibu magħhom meta rratifikathom.
Il-Ministru Franċis Zammit Dimech qal li f'dan il-kuntest xtaq isemmi l-proġett magħruf bħala Coastal Area Management Programme (CAMP) li qed jiġi kkoordinat mid-Diaprtiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent li għandu l-iskop ewlieni li tkun imħarsa b'mod integrat iz-zona kostali.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-fraġilità ta' l-ambjent marrittimu tfisser li għalkemm dan l-ambjent jista' jilqa' għal ċertu livell ta' maltrattament, hemm limitu li ma jistax jinqabeż jekk ma rridux li jkun hemm żbilanċ fl-ekosistema, għaliex dan fl-aħħar mill-aħħar ikollu riperkussjonijiet fuq il-bniedem. Fost dawn hemm it-tnaqqis progressiv fil-qbid tal-ħut u splużżjoni ta' ċerti speċi mikroskopiċi li jirrendu l-baħar mhux tajjeb għall-għawm.
Qal li eżempju ta' x'jista' jiġri seħħ ftit tas-snin ilu tul il-kosta Adrijatika fl-Italja fejn il-baħar tilef it-trasparenza tiegħu u ntela' bi ħjut iwaħħlu. Dan gerrex lit-turisti u kien kaġun ta' telf ekonomiku għall-industrja tat-turiżmu fl-Italja. Qal li dak li seħħ kien ikkaġunat minn tniġġiż ta' oriġini industrjali u agrikolu li wasal fl-Adrijatiku permezz tax-xmara Po.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kulhadd ried isir aktar konxju ta' l-ambjent marittimu u x'mgħandniex nagħmlu biex ma nniġġsuħx. Hu qal li l-Gvern kien qed jieħu l-miżuri kollha biex d-drenaġġ kollu jissaffa qabel jintefa' fil-baħar, biex ma jintefax skart solidu fil-baħar, biex ikun ppreparat f'każ ta' tniġġiz minn żjut. Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Gvern ma setax jwassal biex pajjiżna ikollu ambjent marittimu nadif jekk ma jkollux il-koperazzjoni ta' kulħadd. Hu qal li kien f'dan l-ispirtu li kien qed jappella liż-żgħażagħ tagħna biex ma jħallux skart fuq ix-xtut li jista' jispiċċa fil-baħar, biex ma jarmux prodotti ta' plastik li qed iwassal biex imutu aktar minn miljun għasfur tal-baħar minħabba li jieklu jew jitħabblu fil-plastik; li qed iwasslu għall-mewt ta' madwar 100,000 mammiferu li jinkludu balieni, bumerini, delfini u frieken.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-baħar kien tagħna lkoll u għalhekk kien importanti li lkoll nieħdu ħsieb li ma nħammġuħx u ma nniġġsuhx. Qal l-appell tiegħu liż-żgħażagħ kien biex iżommu x-xtut u l-baħar indaf. U biex meta jaraw min iħammeġ ikollhom il-kuraġġ juru d-diżapprovazzjoni tagħhom. Huwa ċert li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nifhmu l-importanza ta' l-ambjent ambjentali mhux biss għall-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżna iżda wkoll biex ilkoll ngħixu ħajja aħjar.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN