ĠIMGĦA ATTIVITAJIET GĦAS-SETTUR KUMMERĊJALI FIL-KOMUNITA' - TMIEM L-EWWEL ĠIMGĦA FIL-BELT VALLETTA
L-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, illum, fi tmiem l-ewwel ġimgħa ta' attivitajiet organizzati għas-settur kummerċjali fil-komunità tal-Belt Valletta, zar il-ħwienet tal-lokalità.
Dawn l-attivitajiet, li ser jitkomplew f'lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex, huma maħsuba li jgħinu biex id-dmirijiet u s-servizzi tad-dipartimenti jew uffiċċji li hemm fi ħdan id-Diviżjoni għall-Kummerċ ikunu jistgħu jiġu mfissra aktar lil min ser ikollu bżonn jużahom: lis-settur kummerċjali.
Id-Diviżjoni għall-Kummerċ għandha rwol ewlieni li tkun ta' support service għall-komunità kummerċjali. Bid-dipartimenti u uffiċċji li tiġbor fiha, id-diviżjoni tfittex li tkun ta' servizz u għajnuna għas-settur li qed jikkontribwixxi għall-ġid ekonomiku ta' pajjiżna. Dan kollu hu bil-għan li ntejbu, insaħħu u nissimplifikaw l-ambjent li fih qed jopera min qiegħed fin-negozju. Id-diviżjoni qegħdha hawn biex tagħmel il-ħajja aktar faċli għall-imprenditur.
Id-Diviżjoni għall-Kummerċ tiġbor fiha:
1. l-Uffiċċju għas-Servizzi Kummerċjali (Trade Services Office)
2. l-Uffiċċju għall-Propjeta Ndustrijali (Industrial Property Office)
3. l-Uffiċċju għall-Intrapriżi Żgħar u Artiġjanat (Small Business Unit and Crafts)
u tospita wkoll il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat.
Tul din il-ġimgħa, uffiċjali mill-Uffiċċju għall-Propjeta Industrijali (Industrial Property Office - IPO) kienu qed iżuru stabbilimenti, ħwienet u uffiċini ġewwa l-Belt biex jinfurmaw dwar is-servizzi li joffri dan id-Dipartiment. Dawn l-uffiċjali żaru madwar 100 stabbiliment u spjegaw kif dawn l-istabbilimenti jistgħu jirreġistraw l-isem ta' l-istabbiliment u tal-prodotti u servizzi tagħhom u l-benefiċċji li hemm meta jkunu rreġistrati. Meta tirreġistra l-isem sew tal-ħanut jew ta' xi servizz jew prodott li tkun qed toffri, dan ifisser li għandek protezzjoni fuq l-użu ta' dak l-isem fil-qasam tax-xogħol jew kummerċ li tkun fih.
F'pajjiżna, ir-reġistrazzjoni ta' service marks, jew kif inhuma magħrufa aktar trademarks, huwa proċess li ma tantx hu popolari, jew aħjar, li ma tantx hu magħruf l-importanza tiegħu. L-espressjoni Maltija "għandu isem tajjeb" tixhed l-importanza ta' dan. Illum il-ġurnata, negozju jkun jiswa wkoll skond x'isem għandu u x'tikketta għandu.
Ir-reġistrazzjoni ta' trademarks għalhekk, tagħti valur iżjed għan-negozju jew għas-servizz u l-prodott tiegħu.
Minn statistika li għandu l-IPO nistgħu naraw li fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena diġa ġew irreġistrati 2375 applikazzjoni għal trademarks, qabża sostanzjali mis-sena li għaddiet li kienet ta' 1636 applikazzjoni. Filwaqt li numru sostanzjali ta' l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' trademark ġew depożitati permezz ta' Trademark Attorneys f'isem kumpaniji barranin, madwar 12% biss ta' dawn l-applikazzjonijiet sottomessi tul dawn l-aħħar disa' xhur huma f'isem ditti, organizzazzjonijiet jew individwi Maltin.
Id-Diviżjoni tal-Kummerċ qegħdha tikkonsidra l-possibilità ta' reviżjoni tad-dmirijiet preskritti bil-liġi biex il-protezzjoni tal-Propjetà Intellettwali ssir iżjed aċċessibbli għal ċerti setturi tan-negozju u kummerċ bħal intrapriżi żgħar u min jaħdem għal rasu.
Fejn fis-snin riċenti t-total fis-sena ta' applikazzjonijiet għall-privattivi (patents) kien jilħaq biss l-għoxrin (20) matul l-aħħar snin dawn l-applikazzjonijiet żdiedu sostanzjalment. Qed jiġu depożitati iżjed applikazzjonijiet f'isem ditti barranin (partikolarment fis-settur tal-farmaċewtiċi) prinċipalment minħabba d-dikjarazzjoni ta' Malta biex tissieħeb fl-UE.
Il-fatt li hemm żjieda fin-numru ta' applikazzjonijiet barranin jista' jkun ukoll riżultat li f'Malta fi ftit xhur oħra ser tidħol fis-seħħ liġi ġdida fuq il-privattivi, liema liġi sejra toffri iżjed protezzjoni fuq invenzjonijiet li jiġu reġistrati f'Malta.
Fl-istess waqt il-fatt li kien hemm żjieda għal 12% fis-sena 1999, sa 20% fis-sena 2000 u żjieda oħra għal 23% sa l-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena, ta' applikazzjonijiet minn ditti jew individwi lokali, tindika biċ-ċar li l-ħtieġa ta' protezzjoni qed ukoll tinħass lokalment.
L-għanijiet ta' Malta biex taċċedi għall- 'PCT' (Patent Co-operation Treaty tal-WIPO) u l-'EPC' (European Patent Convention ta' l-EPO) jfisser li fil-futur qrib in-numru ta' reġistrazzjonijiet għandhom jiżdiedu permezz ta' tixrid ta' informazzjoni fuq privattivi reġistrati li jista' jkollha aċċess għaliha l-industrija lokali.
Filwaqt li l-ammont annwali ta' applikazzjonijiet ta' disinji żdiedu bi ftit, wieħed jinnota li persentaġġ sinifikattiv ta' dawn l-ammonti huwa minn applikanti lokali fejn dawn laħqu 38% għas-sena 1999 u dawk għall-2000 laħqu 15%, l-applikazzjonijiet lokali għax-xhur ta' Jannar sa Settembru ta' din is-sena telgħu għal 44%.
Ir-reġistrazzjoni ta' disinji ta' oġġetti jew mudelli ta' manifattura hija importanti bħala protezzjoni għall-industrija tal-produzzjoni u manifattura kif ukoll individwi jew ditti li xogħolhom jinvolvi snajja' u artiġjanat tipikament Malti.
Id-Diviżjoni għall-Kummerċ hi diviżjoni ġdida. Kif kelli l-opportunità li ngħid f'okkażjonijiet oħra qabel, din id-Diviżjoni mhix pulizija fuq l-imprenditur. Id-Diviżjoni għall-Kummerċ qegħdha hemm biex tkun sieħeb, partner, tan-negozjant.
Qegħdha hemm biex tgħin, biex tkun ta' servizz, biex tgħaqdi l-bżonnijiet tan-negozjant. Kull min irid jista' juża' d-Diviżjoni għall-Kummerċ biex tgħinu jkollu negozju aħjar, negozju organizzat u fl-aħħar mill-aħħar, ikollu negozju li jkun sostenibbli.
UFFICJU GHALL-PROPJETÀ INDUSTRIJALI |
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN