Left arrow Mur Lura

STRATEĠIJA B'MIRI ĊARI: SILTIET MINN DISKORS LI L-MINISTRU GĦALL-AMBJENT FRANCIS ZAMMIT DIMECH GĦAMEL META NTRODUĊA L-VERŻJONI FINALI TA' L-ISTRATEĠIJA GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA' L-ISKART SOLIDU FIL-GŻEJJER MALTIN

pr1431
Date Icon 04/10/2001

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li wara li l-Kumitat Tekniku mmexxi mill-Perit Vince Cassar, Direttur Ġenerali tat-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, evalwa l-abbozz ta' l-Istrateġja Integrata għall-Immaniġġjar ta' Skart Solidu fil-Gżejjer Maltin, u wara proċess twil ta' konsultazzjoni ma' l-NGOs u mal-pubbliku b'mod ġenerali, kien ippreżentat lill-Kabinett pjan rivedut ta' l-istrategija. Dan il-pjan ġie approvat mill-Kabinett fil-laqgħa ta' nhar it-Tnejn, 1 ta' Ottubru, 2001.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fl-Istrateġija Finali dwar l-Immaniġġjar ta' l-Iskart, inħass il-bżonn li titwaqqaf Task Force jew Project Team biex jaħdem flimkien ma' l-iSteering Committee Interministerjali għall-implimentazzjoni tal-miżuri jew azzjonijiet kontemplati fl-istrateġija. Fl-istess strateġija nsibu miri ġodda dwar li ma jsirx aktar depositu ta' skart mill-kostruzzjoni u twaqqigħ ta' bini imħallat ma' skart ieħor sa tarf l-2005. Il-Kumitat inkluda wkoll fl-istrategija miri ġodda għal skart agrikolu, mill-akwakultura, boskijiet, kaċċa u sajd u preparazzjoni ta' ikel; skart minn trattament termali; skart ta' żjut; skart ta' tyres; skart perikoluż mill-kura tas-saħħa; skart minn faċilitajiet għall-immaniġġjar ta' l-iskart, minn impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ u mill-preparazzjoni ta' ilma maħsub għall-konsum uman u ilma għal użu industrjali.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li permezz ta' din l-Istrateġija l-pajjiż issa se jgħaddi mill-kliem u l-pjani għall-fatti. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li b'kollox l-istrateġija taħseb għal 56 azzjoni jew miżuri. Dawn l-azzjonijiet u miżuri se jibdew jittieħdu immedjatament. Qal li matul is-sena d-dieħla mistenniija jittieħdu 23 azzjoni li jinkludu diversi miżuri biex jitwaqqfu l-istrutturi meħtieġa biex tkun implimentata din l-istrateġija. Dawn jinkludu it-twaqqif ta' Steering Group Inter-Ministerjali biex jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija; it-twaqqif ta' Awtorità għall-Protezzjoni Ambjentali bħala aġenzija regolatorja awtonoma; it-twaqqif ta' Spettorat għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart f'setgħat sħaħ ta' spezzjoni u nfurzar; it-twaqqif ta' Agenzija għal Servizzi ta' Immaniġġjar ta' l-Iskart bħala aġenzija awtonoma responsabbli mill-implimentazzjoni ta' l-organizzazzjoni u s-superviżjoni ta' faċilitajiet u servizzi għall-immaniġġjar ta' l-iskart u t-twaqqif ta' 'Recycled Building Materials Working Party'.

Fost it-23 miżura li jridu jittieħdu fl-2002 il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li jrid jitwettaq l-upgrading tal-facilità għat-trattament minn skart mill-kura tas-saħħa fl-Isptar San Luqa u facilità biex ikun irkuprat jew riċiklat skart minn żjut.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li fl-2003 għandhom jittieħdu 15-il miżura/azzjoni oħra. Dawn jinkludu l-għeluq ta' l-inċiniraturi kollha li m'humiex skond livelli rikjesti; it-twaqqif ta' faċilitajiet għall-magazinaġġ proviżorju, proċessar, irkupru u riċiklar ta' skart li joħroġ mill-kostruzzjoni u twaqqigħ ta' bini; l-upgrading ta' l-Impjant ta' Kompostaġġ f'Sant'Antnin; l-upgrading tal-facilità tat-trattament ta' l-iskart fil-Biċċerija ta' Malta; l-iżvilupp ta' faċilità ġdida ta' landfilling f'Malta għal materjal non-inert u mhux perikoluż li jkun ittrattat minn qabel; l-iżvilupp ta' faċilitajiet għal landfill għad-disponiment ta' skart perikoluż f'sigurtà; l-iżvilupp ta' faċilitajiet għad-disponiment ta' materjal li joħroġ mill-industrja tal-kostruzzjoni u minn twaqqigħ ta' bini.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fl-2004 għandhom jittieħdu disa' miżuri/azzjonijiet oħra li jinkludu t-twaqqif ta' stazzjon għat-trasferiment ta' l-iskart f'Għawdex biex jinġieb Malta f'kontenituri issiġillati ħalli jkun irkuprat jew ittrattat jew biex jiddisponu minnu u t-twaqqif ta' faċilitajiet għall-magazinaġġ proviżorju ta' skart perikoluż qabel ma jitgħabba fuq vapuri biex ikun esportat. Azzjoni/miżura oħra se tittieħed fl-2006. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li hemm ħames miżuri oħra li se jkunu implimentati tul iż-żmien li matulu se jitwettaq il-proġett u li se jibdew iseħħu b'mod immedjat.

Il-Ministru għall-Ambjent qal sa' l-aħħar tas-sena 2003 jridu jkunu tħejjew u ġew implimentati pjani għar-riabilitazzjoni, u biex jintużaw mill-ġdid għall-benefiċċju tal-pubbliku, postijiet fejn kien jintefa' l-iskart. Sa l-aħħar tas-sena 2004 jridu jitħejjew u jkunu implimentati pjani għall-istabilizzar, riabilitazzjoni u għeluq tal-miżbliet eżistenti. Dawn trid issirilhom il-kura meħtieġa biex ikunu jistgħu jintużaw għall-benefiċċju tal-poplu.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din l-istrategija tinvolvi investiment ta' Lm70 miljun. Hu qal li kien ikkalkulat li n-nefqa kapitali immedjata li hi meħtiega biex ikunu upgraded il-faċilitajiet eżistenti, u biex jinbnew oħrajn ġodda, jeħtieġu investiment ta' madwar Lm18 miljun. Dan l-investiment irid isir fit-30 xahar li ġej. Tul il-bqija tal-perijodu kopert mill-istrateġija, li hu ta' 20 sena, hu ikkalkulat li jkun meħtieġ investiment ta' madwar Lm52 miljun ieħor. Flimkien man-nefqa kapitali tkun meħtieġa wkoll spiża rikorrenti ta' bejn Lm7.5 u Lm8 miljun, li tkompli tiela' b'madwar Lm700,000 fis-sena sakemm tilħaq madwar Lm13.3 miljun fis-sena 2023.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li issa li dan il-proġett biex nimmaniġġjaw aħjar l-iskart f'pajjiżna u biex nagħlqu l-miżbliet il-kbar li żviluppaw tul l-aħħar 30 sena se jgħaddi mill-istadju ta' l-ippjanar għall-istadju ta' l-implimentazzjoni kien jistenna l-koperazzjoni ta' kulħadd biex lill-pajjiż mhux biss inżommuh nadif iżda biex nagħtuh l-aħjar strateġija għall-immaniġġjar ta' l-iskart li tixraq lill-pajjiż modern.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow