Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-KUNGRESS NAZZJONALI TAL-GENERAL WORKERS' UNION

pr1430
Date Icon 04/10/2001

Irrid nibda billi nirringrazzjakom talli stedintuni biex nindirizza dan il-Kungress Nazzjonali li żgur jirrappreżenta mument importanti ħafna għall-General Workers' Union. Huwa importanti għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett għaliex dan il-Kungress qiegħed iseħħ f'mument kritiku għal pajjiżna. It-tieni għaliex huwa Kungress li għandu quddiemu dokument li jiġbor it-twemmin u l-prinċipji li fuqhom tinbena l-ħidma kollha tal-General Workers' Union.

Jixraq, għalhekk, li lkoll flimkien naħtfu l-opportunità li l-okkażjoni tal-lum qiegħda toffrilna biex naraw kif nistgħu nkomplu nġibu 'l-pajjiżna 'l quddiem; kif nistgħu niffaċċjaw u nirbħu l-isfidi tal-lum u ta' għada, u kif nistgħu nkomplu naħdmu biex intejbu l-livell ta' l-għixien tal-poplu kollu tagħna.

Għedt li dan il-Kungress qiegħed iseħħ f'mument importanti għal pajjiżna. Illum, aktar minn qatt qabel, fhimna li pajjiżna m'huwiex xi fortizza bi swar li jilqgħu għall-irjieħ u għat-tempesti li jseħħu lil hinn minn xtutna. Pajjiżna huwa parti minn komunità dinjija li magħha jikkomunika kuljum, li magħha jagħmel in-negozju kuljum, li magħha jaqsam il-kultura u l-esperjenzi tal-ħajja ta' kuljum.

Ir-rivoluzzjoni teknoloġika ġabet bidla kbira għalina l-Maltin u Għawdxin. U ġabet bidla kbira speċjalment għal ħaddiema tagħna u għal min iħaddem in-nies f'pajjiżna. Fis-snin reċenti irnexxielna nisfruttaw din il-mewġa ta' bidla u ħtafna l-okkażjonijiet kollha li ġew għal idejna. Illum, għalhekk, għandna ekonomija li ssaħħet tul is-snin grazzi għall-kapaċità tagħna biex nipproduċu prodotti u servizzi li jinbiegħu mhux biss f'Malta, imma jinbiegħu ukoll fl-irkejjen kollha tad-dinja.

M'għandix għalfejn nispjegalkom għax dan tafuh daqsi. Intom Union li tirrapreżentaw eluf ta' ħaddiema li jaħdmu fis-setturi kollha ta' l-ekonomija tagħna. Tafu kemm dawn il-ħaddiema jinkwetaw meta jisimgħu x'qed jiġri fl-Amerika jew fl-Asia, jew f'xi pajjiż ieħor li miegħu nagħmlu n-negozju. Tafu kemm iserrħu rashom meta jisimgħu li l-prodotti li huma jipproduċu qegħdin jinbiegħu fi swieq barranin. Tafu wkoll kemm jirbħu l-ħaddiema meta l-prodott jew is-servizz tagħhom ikun ta' kwalità għolja u bi prezz li jkun kompetittiv fis-suq internazzjonali.

Din hi r-realtà ġdida li, aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar ser tikber. Hawn min isejjaħ dan il-proċess bħala wieħed ta' globalizzazzjoni - proċess li donnu ċekken lid-dinja kollha u ttrasformha f'belt waħda. Nistgħu nsejħulu kif irridu - imma l-fatt hu li dan il-proċess jolqotna, u nagħmlu ħażin jekk aħna stess ma nkunux lesti biex inbiddlu u nwieġbu bil-kapaċità kollha tagħna għal dawn l-isfidi ġodda.

Dan jgħodd b'mod speċjali għal qasam tax-xogħol f'pajjiżna, u allura jidħol is-sehem importanti li l-Unions għandhom u jista' jkollhom, biex jixprunaw din il-bidla li, wara kollox, hi għal ġid ta' l-istess ħaddiema li l-Unions jirrappreżentaw.

L-istorja twila ta' pajjiżna tixhed x'sehem qawwi kellhom il-Unions fil-bidliet ekonomiċi u soċjali li seħħew tul is-snin. Nista' ngħid li huma wkoll kienu katalisti tal-bidliet li seħħew u li għamlu differenza kbira għal poplu Malti u Għawdxi. Differenza fil-kwalità tal-ħajja tagħhom. Differenza fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Differenza, wkoll, fil-livell ta' għixien tagħhom.

Hemm bżonn li jkunu katalisti llum ukoll.

Id-differenza hi li, filwaqt li l-imgħoddi kien misjuq mill-bidliet soċjali li kellna bżonn f'pajjiżna biex nieħdu rajna f'idejna, illum il-bidliet li jridu jseħħu huma misjuqa mill-bżonn li nikkompetu u nirbħu f'suq dinji. Biex nagħmlu dan irridu nissieħbu flimkien. Għalhekk illum nitkellmu fuq ir-rwol kruċjali ta' l-imsieħba soċjali u għalhekk nagħtu importanza kbira lid-djalogu soċjali.

Dan ma jfissirx li l-imsieħba soċjali jsiru ħaġa waħda. Qatt ma jista' jkun li Union tieħu il-post ta' min iħaddem, jew li l-Gvern jerħi r-riedni tal-pajjiż f'idejn min m'huwiex elett u ma jirrispondix lill-poplu kollu. Imma jfisser li rridu naqsmu ma' xulxin il-ħsibijiet tagħna, il-proġetti tagħna u l-viżjoni li għandna biex il-pajjiż kollu - u mhux xi settur minnu biss - jimxi 'l quddiem.

L-anqas ma rridu neħduha bi kbira jekk id-djalogu soċjali ma jwassalniex għal qbil f'kollox u f'kull ħin. Id-djalogu ma jfissirx pożizzjoni riġida li tkun truxa għar-realtà ta' madwarna. Ifisser qsim ta' ideat u opinjonijiet li jridu jkunu bbażati fuq il-fatti u fuq analiżi korretta ta' dawk il-fatti.

Kien proprju għalhekk li, matul it-tliet snin li għaddew, il-Gvern tiegħi ħadem biex insaħħu dak li sa ftit taż-żmien ilu konna nafuh bħala l-Kunsill Malti Għall-Iżvilupp Ekonomiku. Illum, għaddejna liġi li biha rbatna jdejna bħala Gvern li dan il-Kunsill jitwaqqaf b'mod uffiċjali, li jkun magħmul b'mod li l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżna, u li jkun jista' jiffunzjona bil-parteċipazzjoni ta' l-għola uffiċjali tal-Gvern madwar l-istess mejda. Naturalment, dan il-Kunsill jibqa' għodda ta' djalogu u allura jiddependi kif nużawh. Nistgħu nużawh tajjeb u allura jirbaħ kulħadd. Nistgħu nużawh ħażin u allura jitlef kulħadd.

Niġi issa għat-tieni raġuni għaliex nikkunsidra dan il-Kungress bħala wieħed ta' importanza mhux żgħira.

Qrajt b'interess id-dokument li ppreżentajtu lil dan il-Kungress għad-diskussjoni. "Twemmin" jispjega l-filosofija li fuqha hija mibnija l-Union u jesponi l-mod ta' kif il-Union tħares lejn setturi u aspetti differenti li jolqtu l-ħaddiem u dak ta' madwaru.

Huwa ċar għalija, li l-prinċipji msemmija f'dan id-dokument għandhom ħsieb wieħed u kostanti jserrep mal-paġni kollha - huwa l-ħsieb li jpoġġi lil bniedem sħiħ fiċ-ċentru tal-ħidma tagħkom.

Fid-dokument jintqal li:

"L-għan ewlieni tal-General Workers' Union huwa li ġġib 'il quddiem ir-risq u l-ġid ta' l-imsieħba fil-qasam ta' l-impjieg tagħhom, u tikseb għall-imsieħba livell ta' għajxien xieraq mal-progress taż-żminijiet".

Hekk jesprimi r-rwol tal-General Workers' Union id-dokument "Twemmin", rwol leġittimu u nobbli. Fid-dokument jintqal ukoll li l-General Workers' Union temmen li l-investiment huwa n-nifs tal-mutur ekonomiku f'kull pajjiż. Temmen li s-settur privat għandu rwol kbir f'kull ekonomija, għax l-investiment tiegħu joħloq l-impjiegi u jagħti kontribut biex jitkattar il-ġid fil-pajjiż. L-istat għandu jkun ir-regolatur li jara li l-mutur ta' l-ekonomija ma jitħaddimx għad-detriment tad-dinjità tal-bniedem.

Hawn tinstab l-isfida li għandna quddiemna. Irridu nuru kemm aħna kapaċi li nsibu l-formola li tinċentiva l-investiment lokali u barrani f'pajjiżna billi noffru ħaddiema preparati u mħarrġa, li huma stess ifittxu l-effiċjenza, u li huma stess jgħarrfu li jirbħu jekk l-azjenda tagħhom tkun rebbieħa u viċi versa. Irridu wkoll inkunu lesti li ninfatmu mix-xkiel ta' prattiċi ta' xogħol li m' għadhomx jgħoddu għaż-żminijiet tal-lum, bħal ma rridu wkoll nifhmu li pajjiżna ma jistax jaffordja li jġorr fuq spallejh azjendi li jixorbu r-riżorsi tagħna minflok li jikkontribwixxu.

Naturalment, bħala Union, intom leġittimament tridu tħarsu l-interessi tal-ħaddiema tagħkom għal diversi raġunijiet. Biex tagħmlu dan, tridu toffru lill-membri tagħkom dawk is-servizzi kollha li jeħtieġu sabiex il-qagħda tagħhom tax-xogħol, u l-prospettivi għall-futur tagħhom, jiżdiedu. Mod kif tista' tagħmel dan huwa billi tħares id-drittijiet ta' l-impjieg, filwaqt li tħeġġeġ [fuq livell nazzjonali] sabiex ikun hemm aġġornament kontinwu ta' dawk l-istrumenti legali li bihom kull impjieg huwa regolat.

Anki l-Gvern għandu dan l-impenn, u fi ftit ġimgħat oħra dan ser jissarraf f'proposti konkreti biex, wara snin twal ta' diskussjonijiet, nagħmlu qabża oħra kbira f'dak li għandu x'jaqsam ma' drittijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Illum, bi pjaċir ngħid li l-Gvern ser iressaq għad-diskussjoni White Paper li għandha tiftaħ orizzonti ġodda għall-ħaddiema tagħna. Din tipproponi li tagħti drittijiet u protezzjoni akbar għall-ħaddiema, mhux biss fuq il-lant tax-xogħol, imma wkoll fl-aspetti soċjali li wħud minnhom huma msemmija fid-dokument li qegħdin tiddiskutu.

Aħna rridu li pajjiżna jagħraf juża bil-għaqal u sal-massimu r-riżorsi umani tiegħu. Nemmnu li hemm tliet modi ta' kif dan irid isir. L-ewwel, permezz ta' liġijiet li jiffaċilitaw l-impjieg filwaqt li jippromwovu ambjent tajjeb għax-xogħol. It-tieni billi tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol, u t-tielet, bl-aġġornament kontinwu u matul il-ħajja tal-ħiliet tas-soċjetà kollha kemm hi.

Il-proposti tagħna huma mmirati biex ikopru dawn it-tlett aspetti fundamentali. Permezz ta' numru ta' miżuri ġodda favur il-familja, din il-liġi ser tistabilixxi l-leave għall-Maternità, il-Parental Leave u l-Leave Speċjali għall-Familja f'każijiet urġenti, filwaqt li tiffaċilita l-possibiltà ta' reduced hour working, prattika li diġà ddaħħlet b'suċċess fl-impjiegi fis-Servizz Pubbliku. B'dan il-mod, il-Gvern ser jagħmilha aktar faċli biex aktar nisa jkunu jistgħu jissieħbu fid-dinja tax-xogħol u, fl-istess waqt, jiffaċilita l-bilanċ bejn il-karriera u r-responsabbiltajiet tal-familja u d-doveri ċiviċi. Ser inkunu qegħdin nipproponu wkoll li ndaħħlu miżuri ġodda biex jiġi eliminat il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, bil-possibiltà ta' prosekuzzjoni fuq att ta' fastidju sesswali b'kumpens jew rimedju.

Fejn jidħlu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg tal-ħaddiema, il-liġi l-ġdida ser iġġib magħha wkoll rivoluzzjoni sinifikattiva. Il-liġijiet jew regolamenti kollha li ser ikunu mgħoddija taħt l-Att li jwaqqaf l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, ser ikunu jgħoddu daqs li kieku huma kundizzjonijiet ta' l-impjieg. Ser tingħata aktar sigurtà lill-ħaddiema li jaħdmu part-time, filwaqt li ser jidħlu miżuri ġodda kontra forom differenti ta' diskriminazzjoni jew vittimizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li jitħares il-kunċett ta' paga indaqs għal xogħol ta' l-istess valur.

F'każijiet ta' falliment ta' azjenda, ser inwaqqfu dak li qed jissejjaħ il-"Guarantee Fund" li ser jipprovdi l-possibiltà li ħaddiem jingħata kumpens sa sittax-il ġimgħa paga minima nazzjonali jekk l-azjenda tfalli u ma jkunx hemm minn fejn jitħallsu l-pagi. Dan il-Fond ser ikollu kontribuzzjoni ta' Lm250,000 mill-Gvern fuq medda ta' ħames snin.

Dawn, u ħafna aktar, huma kollha miżuri ġodda favur il-ħaddiem. Il-liġi l-ġdida hija magħmula b'mod flessibbli sabiex ikunu jistgħu jsiru r-regolamenti li hemm bżonn skond il-ħtiġijiet tar-realtajiet soċjali. Ninsab fiduċjuż li din il-liġi mhux biss ser tirrapreżenta mument importanti fl-istorja fil-qasam ta'l-impjiegi f'Malta, imma ser tipprovdi wkoll għodda importanti li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem Malti u Għawdxi.

Nispiċċa bl-istess messaġġ li bdejt bih.

Dan hu Kungress li qed jaħbat ma' perjodu kruċjali għal pajjiżna u għal ħaddiema tagħna. Pajjiżna il-ħin kollu jsejħilna biex nagħmlu l-almu kollu tagħna fl-interess tal-poplu kollu tal-lum u ta' għada. Kull min għandu il-piż ta' tmexxija fuq spallejh irid iwieġeb b'responsabbilta u b'sens ta' dmir, speċjalment fil-mument meta jkollna nieħdu id-deċiżjonijiet diffiċli.

M'għandix dubju li hekk ser isir.

Nawguralkom suċċess fid-diskussjonijiet tagħkom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow