IL-FINANZI TAL-KUNSILLI: PUNTI MILL-KONFERENZA STAMPA LI TA L-ONOR AUSTIN GATT, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U GVERN LOKALI, ILLUM 2 TA’ OTTUBRU 2001 - KASTILJA
Il-Gvern qiegħed illum jippubblika l-konklużjonijiet tar-rendikonti finanzjarji verifikati tal-Kunsilli Lokali għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Marzu 2001. Bl-eċċezzjoni tal-Kunsill tal-Pietà li rrapporta nuqqas ta’ qbil mal-veduti ta’ l-Awditur tiegħu u għad s’issa ma kienx f’pożizzjoni li jgħaddi lill-Gvern il-kontijiet verifikati tiegħu, kull Kunsill Lokali għadda lill-Gvern il-kontijiet tiegħu skond iż-żminijiet stabbiliti mil-Liġi. Dan b’kuntrast mas-snin ta’ qabel fejn ħafna kunsilli damu m’għaddew ir-rapporti tagħhom tant li wħud minnhom fi snin oħra irċevew Avviżi Formali li kienu qed jiksru l-Liġi.
Dan minnu nnifsu hu riżultat ta’ l-għassa li żied id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex jassigura li l-finanzi tal-Kunsilli Lokali (li huma fondi pubbliċi) jkunu segwiti b’viġilanza.
Il-konklużjonijiet ewlenin li jirriżultaw mir-rapporti verifikati tal-Kunsilli huma dawn:
- B’eċċezzjoni waħda, kull Kunsill Lokali li s-sena l-oħra rraporta żbilanċ fil-finanzi tiegħu, din is-sena rrapporta tnaqqis fl-iżbilanċ, jew inkella li l-iżbilanċ tiegħu issa nbidel f’bilanċ.
- L-eċċezzjoni għal dan kien il-Kunsill ta’ Bormla li kien l-unika Kunsill li żied l-iżbilanċ tiegħu minn Lm35,806 f’Marzu 2000 għal Lm76,721 f’Marzu 2001.
- Waqt li nkisbu dawn ir-riżultati pożittivi l-Gvern b’dispjaċir jinnota li numru ta’ Kunsilli Lokali li kellhom kundizzjoni pożittiva fil-finanzi tagħhom fi tmiem Marzu 2000, din is-sena rrapportaw żbilanċ ġdid. Żbilanċi ġodda bi gravità li tvarja minn Kunsill għall-ieħor ġew rapportati fl-Għasri, fil-Kalkara, f’Kerċem, f’Ħal Luqa, fil-Qrendi, f’Ħal Safi, f’San Lawrenz u fix-Xewkija. L-iżbilanċi fil-Kalkara (12% ta’ l-allokazzjoni li tah il-Gvern), Kerċem (47% ta’ l-allokazzjoni) u Ħal Luqa (58%) huma żbilanċi ferm aktar gravi minn oħrajn meta tqis li dan l-iżbilanċ sar f’sena waħda.
1.a. Tnaqqas l-iżbilanċ tal-Kunsilli tal-Birgu, ta’ Birkirkara, tal-Mosta, ta’ l-Imsida, ta’ Paola u tas-Swieqi. Dawn il-Kunsilli qed illum jirċievu ittra mill-Ministru Austin Gatt li tinnota t-tnaqqis fl-iżbilanċ u li iżda tirrakkomandalhom miżuri biex jinnewtralizzaw l-iżbilanċ fi żmien stabbilit. Din hi l-ewwel darba li l-Gvern qiegħed jistabbilixxi miri fl-irranġar ta’ l-iżbilanċ u qed jippretendi li l-Kunsilli japplikaw dawn il-miri biex ma jibqgħux fi żbilanċ u għalhekk fi ksur tal-Liġi.
1.b. L-iżbilanċ tal-Kunsilli ta’ l-Isla, taż-Żejtun, tar-Rabat t’Għawdex, tal-Gżira, ta’ l-Iklin, ta’ Ħal Lija, ta’ Marsaskala, tan-Naxxar, tar-Rabat ta’ Malta, Ta’ Xbiex, u tax-Xagħra issa hu newtralizzat u nbidel f’bilanċ pożittiv. Dawn il-Kunsilli qed illum jirċievu ittra mill-Ministru Austin Gatt li tifirħilhom għal dan ir-riżultat li kisbu.
Wieħed irid josserva li minn fost il-Kunsilli bi żbilanċ ġdid, Kerċem, Ħal Luqa u San Lawrenz kellhom l-elezzjoni tagħhom ftit ġranet qabel għalqet is-sena finanzjarja.
Il-Kunsilli Lokali b’rapport ġdid ta’ żbilanċ qed illum jirċievu ittra mingħand il-Ministru Austin Gatt li tinnota li dawn il-Kunsilli qegħdin fi ksur tal-Liġi u li għandhom jimplimentaw miżuri biex jinnewtralizzaw l-iżbilanċ fi żmien stabbilit. Minn dawn il-Kunsilli wkoll il-Gvern qed jippretendi li jilħqu l-miri li stabbilixxa biex dawn jirranġaw il-qagħda tagħhom.
Il-bilanċ totali juri li fejn fl-1998 kien hemm 23 Kunsill li rrappurtaw żbilanċ, u bejn l-1999 u l-2000 kienu 19-il Kunsill f’din il-kundizzjoni, fil-preżent hemm ħmistax-il Kunsill biss li għandhom żbilanċ.
Qed nippubblikaw sommarju tal-konklużjonijiet tar-rapporti tal-verifika li jqabblu l-bilanċi finanzjarji ta’ kull Kunsill Lokali fis-sena li ntemmet f’Marzu 2001 mal-bilanċi tas-sena ta’ qabel.
Kontijiet Finanzjarji ta’ l-Infurzar Lokali
| Din kienet l-ewwel sena fejn il-finanzi tal-Kunsilli | Lokali kienu jinkludu wkoll id-dħul u n-nfieq fl-infurzar lokali. Il-Kunsilli Lokali daħħlu Lm1,211,316 mill-infurzar lokali. Minn dan id-dħul il-Kunsilli Lokali ffinanzjaw l-operat tal-Gwardjani u ta’ parti mill-ispejjeż tat-Tribunali Lokali. |
| M’hux kull Kunsill daħħal biż-żejjed dħul | mill-infurzar lokali biex kopra l-ispejjeż kollha li swielu, iżda jidher ċar li ħlief f’xi ftit eċċezzjonijiet l-ispejjeż ta’ l-infurzar lokali ma kkonttribwewx għall-iżbilanċ totali fil-finanzi tal-Kunsilli. |
| Minn dawn il-figuri jidher ċar li għal kważi l-Kunsilli | Lokali kollha l-infurzar lokali hu finanzjarjament vijabbli. Ir-riżultati li nkisbu f’Għawdex huma iżda l-aħjar prova għall-argument tal-Gvern li l-Kunsilli Lokali jirrevedu l-mod kif jaqsmu l-ispejjeż u d-dħul ta’ din is-sistema. Fil-fatt ir-Rabat t’Għawdex għamel qliegħ ta’ Lm15,590 li żgur kien ipatti għat-telf li għamlu xi rħula żgħar Għawdxin. Hu għalhekk inkoraġġanti li l-Kunsilli Għawdxin huma l-ewwel li qed jikkonsidraw li jadottaw proposti dettaljati li għamel il-Gvern dwar tibdil fil-finanzjament. |
| Qed nippubblikaw sommarju tal-konklużjonijiet tar-rapporti | tal-verifika fejn jidħol id-dħul u n-nfieq tal-Kunsilli Lokali fl-infurzar lokali. |
Politika dwar Kunsilli fi Żbilanċ Finanzjarju
Kif ingħad f’okkażjonijiet qabel, il-Gvern approva diversi xhur ilu proposta għal politika miftiehma dwar x’għandu jiġri meta Kunsilli Lokali jirrapportaw żbilanċ finanzjarju. Fil-jiem li għaddew il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali informa lill-Gvern li kien qiegħed jaqbel mal-proposti li ressaq il-Gvern. Minħabba f’dan, dawn il-proposti qed jiġu pubblikati llum waqt li l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament qed jintalab jiddiskuti dawn il-proposti.
Fil-qosor il-proposti tal-Gvern, li qablet magħhom l-Oppożizzjoni, huma:
- Id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jingħata l-għodda f’riżorsi umani biex isegwi regolarment l-infieq li jkun qed isir mill-Kunsilli u jsegwi wkoll id-deċiżjonijiet li jkunu qed jieħdu l-Kunsilli fil-laqgħat tagħhom ;
- L-iżbilanċ ta’ Kunsill Lokali jitkejjel meta jkun hemm aktar infieq li jkun irid isir f’sena milli l-Kunsill jista’ jistenna li se jkollu assi likwidi fl-istess sena ;
- Kunsill Lokali għandu mill-anqas dejjem ikollu bilanċ favorevoli t’għaxra fil-mija f’kull żmien, u f’każ li l-bilanċ ikun anqas minn hekk id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jkollu jedd jintervjeni ;
- Jekk Kunsill Lokali jkollu bilanċ favorevoli t’anqas minn 10% :
- Id-Direttur tal-Kunsilli Lokali jkollu jedd jitlob bil-miktub dettalji ta’ kif il-Kunsill ser itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu fi żmien miftiehem.
- Jekk sa dak iż-żmien ma jintlaħaqx il-bilanċ t’10%, allura d-Dipartiment ikollu l-jedd inaqqas mill-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsill, somma flus li tkun pariġġ id-differenza bejn il-bilanċ li għandu l-Kunsill u l-bilanċ-mira t’10%.
- Il-Gvern iżomm dawn il-fondi f’isem il-Kunsill u jitħallsu lill-Kunsill dak inhar li l-bilanċ jerġa’ jilħaq l-10%.
- Jekk Kunsill Lokali jkollu żbilanċ t’anqas minn 5%:
- Id-Direttur tal-Kunsilli Lokali jibgħat għas-Sindku u għas-Segretarju fi żmien ħmistax-il ġurnata.
- Id-Dipartiment jissuġġerixxi suġġerimenti dwar kif għandu jkun newtralizzat l-iżbilanċ fi żmien xahar.
- Il-pjan jinkludi minn fejn ser jiġu l-finanzi, liem voti fil-budget ser jintużaw u liem proġetti ser jiċċekknu jew jitwaqqfu.
- Jekk il-Kunsill u d-Dipartiment jiftiehmu fuq dawn il-miżuri, il-ftehim jegħleb kull deċiżjoni li jkun ħa qabel il-Kunsill.
- Jekk ma jkunx hemm ftehim, id-Dipartiment ikollu d-dritt inaqqas mill-fondi tal-Kunsill is-somma li tkun pariġġ id-differenza bejn l-iżbilanċ tal-Kunsill u l-bilanċ-mira t’10% u b’din is-somma d-Dipartiment jifdi l-ispejjeż li jkollu jagħti l-Kunsill.
- Jekk fi żmien xahar ma jintlaħaqx il-bilanċ mira, tapplika l-proċedura eħrex daqs li kieku l-Kunsilli għandu żbilanċ akbar minn 5%.
- Jekk Kunsill Lokali jkollu żbilanċ t’aktar minn 5%:
- Id-Dipartiment, b’konsultazzjoni mal-Kunsill u ma’ l-awdituri tiegħu, iħejji pjan ta’ ristrutturazzjoni finanzjarja għax-xhur jew snin ta’ wara skond il-bżonn.
- Tul iż-żmien li jkun implimentat dan il-pjan, il-kontijiet tal-Kunsill ikunu kontrollati mid-Dipartiment bid-dritt li jwaqqaf il-finanzi lil xi proġett tal-Kunsill li jwaqqa’ lura l-pjan ta’ ristrutturazzjoni.
- Il-Kunsill ma jkunx jista’ jidħol għal impenji finanzjarji sakemm m’hux bil-qbil tad-Dipartiment u s-Sindku u s-Segretarju jinżammu personalment responsabbli għall-implimentazzjoni tal-pjan.
- Kull dokument tal-Kunsill irid jinkludi stqarrija li tgħid li l-Kunsill ma jistax jintrabat għal xi nfieq qabel japprova l-infieq id-Dipartiment.
- Il-fondi allokati lill-Kunsill jinżammu mid-Dipartiment u jintefqu skond proċeduri approvati.
- Id-Dipartiment ikollu d-dritt iħallas hu kontijiet li jkun obbligat iħallas il-Kunsill.
Dawn il-miżuri jirrikjedu tibdil fil-Liġi dwar il-Kunsilli Lokali u fil-proċeduri li jaqgħu taħtu. Qabel jibda dan il-proċess il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi għandu jiddiskuti dawn il-proposti u jikkonsulta lill-partijiet kollha konċernati, l-ewwel fosthom il-Kunsilli Lokali stess.
Il-Gvern hu impenjat li b’rispett ġenwin ta’ l-awtonomija li jixraqilhom il-Kunsilli Lokali, jassigura li l-fondi pubbliċi jintefqu b’responsabbiltà.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN