JUM L-ANZJANI 2001 F’GĦAWDEX
Huwa xieraq illi Jum l-Anzjani, l-istess bħal Jum il-Missier u Jum l-Omm, jiġi ċċelebrat ta’ kull sena. Dan għaliex l-anzjani huma s-sisien tas-soċjetà tal-bieraħ u allura jixraq illi l-kommunità in ġenerali tibqa’ tiftakar u tirrispetta lil dawk illi taw sehemhom bis-sħiħ sabiex is-soċjeta’ tagħna tkun dik li hi llum.
Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex meta dalgħodu, lejlet il-Jum Internazzjonali ta’ l-Anzjani, għamlet żjara lill-anzjani rikoverati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Anzjani li tiġi ċċelebrata madwar id-dinja nhar l-1 ta’ Ottubru. Ta’ min jinnota li f’Għawdex kważi wieħed minn kull erba’ persuni huwa kklassifikat bħala anzjan.
Il-Ministru Debono rreferiet għall-Proġett li bħalissa qiegħed iwettaq il-Ministeru għal Għawdex, proġett illi ser jara mhux biss Residenza ta’ l-Anzjani Nisa iktar moderna minn dik eżistenti u li tixraq liż-żmenijiet tal-lum, iżda waħda illi ser iżżid b’25% in-numru ta’ anzjani illi tista’ takkomoda. Dan il-proġett mistenni jlaħħaq l-ispiża kapitali ta’ madwar Lm250,000.
Il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fil-qasam relatat mal-kura ta’ l-anzjani hija vasta. Minbarra l-proġett imsemmi, din tinkludi fost l-oħrajn is-servizzi regolari tal-Meals on Wheels, is-servizzi tal-Handyman u t-Telecare, servizz ta’ kura u għajnuna fid-dar, korsijiet ta’ Pre-Retirement, kif ukoll dawk is-servizzi marbuta maċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum u l-Universita’ tat-Terza Età.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN