DISKORS MILL-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TA' L-EWWEL SENA TA' ĦIDMA TAL-KULLEĠĠ MALTI GĦALL-ARTI, XJENZA U TEKNOLOĠIJA, F'CORRADINO CAMPUS - 28 TA' SETTEMBRU, 2001
Nibda qabel xejn biex nifraħ liż-żgħażagħ li ser ikunu l-ewwel studenti fl-istorja ta' dan il-Kulleġġ ġdid li l-Gvern tiegħi ħadem bis-sħiħ biex iwaqqaf. Naf li għalikom din hi għażla importanti għall-futur tagħkom. Iżda jiena nqis l-għażla tagħkom bħala waħda importanti ukoll għal pajjiżna li jiddependi aktar minn qatt qabel fuq Maltin u Għawdxin edukati, imħarrġa, krejattivi u produttivi. Jiena għandi fiduċja sħiha fikom iż-żgħażagħ. Naf li flimkien ser taħdmu id f'id ma' l-għalliema tagħkom biex tiksbu l-aħjar taħriġ u formazzjoni, u biex tagħmlu mill-Kulleġġ istituzzjoni edukattiva b'saħħitha u moderna.
Irrid ukoll ningħaqad biex nifraħ mal-ġenituri tagħkom. Bħala missier nifhem l-ansjetà li jkollna aħna l-ġenituri biex naraw l-uliedna jaqbdu t-triq li tagħtihom futur sabiħ. Għalikom inkunu lesti nagħmlu ħafna sagrifiċċji. U meta narawkom qed tagħmlu pass 'l quddiem nifirħu. Il-ġenituri għandhom sehem ewlieni fl-iżvilupp ta' l-ulied. Il-Gvern ser ikompli jgħinkom mhux biss bl-għajnuna finanzjarja ta' l-istipendji, iżda billi jkompli jinvesti fis-snin li ġejjin biex dan il-Kulleġġ ikollu ir-riżorsi li għandu bżonn biex jiżviluppa f'Kulleġġ b'saħħtu u modern.
Lilkom il-mexxejja u għalliema tal-Kulleġġ irrid ngħidilkom grazzi. Grazzi ta' l-għażla tagħkom. Grazzi ta' l-impenn tagħkom. Grazzi tal-fiduċja li poġġejtu fil-politika u l-istrateġija tal-Gvern fil-ħolqien tal-Kulleġġ. Illum qed nagħmlu l-ewwel pass fi vjaġġ li fis-snin li ġejjin għandu jressaqna lejn il-milja tal-viżjoni u l-missjoni li stabbilejna għall-Kulleġġ. Il-pajjiż ilu jħoss il-ħtieġa li, barra l-
Università, jkollu istituzzjoni oħra li tilħaq livelli terzjarji u li tispeċjalizza fit-teknika u teknoloġija, fl-arti u fix-xjenza, u f'rabta effettiva mad-dinja reali tax-xogħol b'korsijiet ta' kull tip, miftuħin għal kulħadd, fl-oqsma vokazzjonali u professjonali.
Illum il-Gvern beda jwettaq il-wegħda tiegħu. Dan ridna nagħmluh f'rispett sħiħ tal-bżonnijiet tal-pajjiż illum, hekk kif qed ikun xprunat minn rivoluzzjoni sħiħa teknoloġika mibnija fuq l-intelliġenza u l-ħila krejattiva tal-bniedem, u hekk kif pajjiżna qed ifittex li jwessa' bil-kbir l-orizzonti u l-opportunitajiet tiegħu billi jitlob li bi dritt jieħu postu f'Ewropa li qed issir l-akbar spazju ekonomiku u demokratiku fid-dinja.
Għall-Gvern kien ċar li ma stajniex nikkopjaw il-formula li kienet tajba fis-sittinijiet meta l-Gvern tal-Prim Ministu Ġorġ Borg Olivier bena u fetaħ l-MCAST, sfortunatament magħluq mill-Gvern ta' wara fis-sebgħinijiet. Lanqas ma kien ikun biżżejjed li l-Gvern joħloq Kulleġġ sempliċiment billi jaqbad u jgħaqqad skejjel u sistemi post-sekondarji eżistenti.
Il-Gvern għażel li jagħmel ħiltu biex jibni fuq dawn iżda joħloq viżjoni, parametri u sistemi ġodda li jistgħu jiżviluppaw biex naslu għal mentalità, kultura, etika, formazzjoni ġdida li jagħmlu mill-Maltin fost il-bnedmin l-aktar preparati fir-reġjun li ngħixu fih. Kien għalhekk li l-Gvern insista li l-Kulleġġ ikun organizazzjoni ġdida li tuża kemm tiflaħ mit-tajjeb li diġà għandna, iżda li tibda paġna, li taħdem skond id-direzzjoni tal-Gvern u li titmexxa b'ċertu awtonomija biex tkun aktar effettiva.
It-tħejjija tal-ħaddiema tal-lum u ta' għada, ir-ristrutturazzjoni ta' l-ekonomija Maltija, jitolbu Kulleġġ li jista' jagħti servizz ta' edukazzjoni u taħriġ tul il-jum kollu u is-sena kollha. Ridna mhux skola magħluqa fiha innifisha, iżda Kulleġġ bi sħab mad-dinja tax-xogħol, ta' l-industrija, tal-business, tas-servizzi, biex nersqu b'mod aktar rilevanti lejn il-bżonnijiet veri u dejjem jinbidlu ta' l-ekonomija. Ridna wkoll li dak li jagħmel il-Kulleġġ ma jissarrafx biss hawn Malta, iżda naslu biex nibdew insarrfuh barra minn Malta. Għalhekk qed infittxu partners f'Universitajiet, Kulleġġi u Istituti barranin, li jkunu akbar minna, b'esperjenza itwal minn tagħna, u li magħhom nassiguraw l-ogħla standards u l-aħjar aġġornament u naqsmu l-esperjenzi.
Dan hu kwadru li jpoġġi quddiemna sfidi ġodda li jinħtieġu mentalità, atteġjament, relazzjonijiet u kundizzjonijiet prattiċi ta' xogħol differenti minn dawk li aħna imdorrijin bihom fl-iskejjel normali tagħna. Din hi waħda mill-isfidi li Gvern, Kulleġġ u Unions jeħtieġ naffaċċjaw b'suċċess. Minn dan jiddependi, f'miżura qawwija, l-ġejjieni tal-Kulleġġ.
Huwa f'dan il-kuntest li nħossu dmiri fl-interess nazzjonali ninsisti biex il-proġett tal-Kulleġġ jitqies li hu proġett nazzjonali, tal-partijiet soċjali kollha, u li kulħadd ser jaħdem b'mod kostruttiv biex jitwettaq b'mod tajjeb skond l-iskopijiet li għalihom twaqqaf.
Ippermettuli wkoll insellem u ngħid kelma ta' ħajr lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li matul is-snin fetħet u żviluppat skejjel post-sekondarji li offrew b'suċċess, u f'numru ta' każi b'riżultati eċċellenti, ħafna mill-korsijiet li qed jemigraw għall-Kulleġġ. Jekk l-Università għandha l-istorja tagħha ta' suċċess, meta f'dawn l-aħħar snin kibret minn ftit mijiet għal għaxart elef student, l-iskejjel post-sekondarji tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhom l-istorja tagħhom ta' suċċess, anke jekk bla daqq ta' trombi. Matul is-snin mhux biss żiedu u ttejjbu l-korsijiet, talli n-numru ta' studenti li jilqgħu fihom tela' ukoll għal eluf. Fil-fatt, iċ-ċifra ta' studenti li fl-età ta' sittax-il sena jkomplu studju u taħriġ wara li jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja tagħhom tela' fl-aħħar għaxar snin minn 23% għal ftit anqas minn 50% tal-grupp ta' żgħażagħ f'din l-età.
Il-ħidma tagħna lkoll issa jeħtieġ tkun dik li tikkonsolida u ssaħħaħ in-nisġa ta' istituzzjonijiet li għandna f'dan il-livell - il-Kulleġġ Vokazzjonali u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki Vokazzjonali u Professjonali, żewġ istituzzjonijiet imwaqqfa issa, flimkien mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, l-Università u l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Matul l-aħħar snin twettqet ħidma intensa, bi proċess ta' djalogu u parteċipazzjoni wiesgħa li qatt ma kellna bħalu, biex nirriformaw u nimmodernizzaw is-sistema kollha ta' l-edukazzjoni f'pajjiżna mill-iċken sa l-ogħla livell. Verament ix-xogħol ta' tiġdid fil-qasam ta' l-edukazzjoni ma jieqaf qatt! U naf li għad fadal ħafna x'isir biex pajjiżna jkun jista' jgħid li qed jagħmel dak kollu li jista' biex ħadd miċ-ċittadini tagħna ma jaqa' lura jew jibqa' barra. Iżda l-Gvern tiegħi matul is-snin wettaq it-twemmin li l-edukazzjoni hija l-muftieħ ta' kull progress u poġġa l-edukazzjoni fuq quddiem nett ta' l-aġenda nazzjonali. Dan hu appoġġjat minn investiment finanzjarju qawwi. Fl-aħħar tlitt snin biss żidna il-Vot tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni b'aktar minn Lm 17-il miljun lira.
Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija qed iniedi l-ewwel sena ta' ħidma tiegħu fil-bidu ta' dan is-seklu l-ġdid fi sfond li jpoġġi quddiem pajjiżna sfidi u opportunitajiet mill-akbar. Ir-rivoluzzjoni tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni b'pass mgħaġġel qed tisforza lil kulħadd jabbanduna r-ritmu, s-sistemi u l-metodi li konna mdorrijin bihom sal-lum. L-ebda pajjiż fid-dinja llum ma jista' jinqata' għalih waħdu u jinfatam minn kull ġrajja li tiġri fil-bqija tad-dinja. Ġrajjiet kbar u żgħar jolqtuna u jinfluwenzawna l-ħin kollu. Hu għalhekk li l-Gvern tiegħi jagħmel ħiltu kollha biex ifiehem u jmexxi lill-poplu tagħna lejn sforz kollettiv ta' ristrutturazzjoni nazzjonali fl-oqsma kollha. Hu għalhekk li l-Gvern jemmen li l-poplu Malti, speċjalment iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri, jkollhom kwalità ta' ħajja itjeb u jistgħanaw aktar f'sigurtà akbar jekk pajjiżna jissieħeb u jipparteċipa b'mod sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Jien għandi fiduċja kbira fl-intelliġenza, it-talenti, il-krejattività, il-bżulija u s-sens ta' valuri fundamentali tal-poplu tagħna.
L-awgurju tiegħi hu li dan il-Kulleġġ Malti jkun katalist ieħor b'saħħtu mhux biss fi ħdan is-sistema kollha edukattiv, iżda wkoll fi ħdan in-nazzjon kollu kemm hu. Irridu li intom iż-żgħażagħ tqanqlu mewġa aktar b'saħħitha favur il-bżonn u s-sbuħija tat-tagħlim tul il-ħajja, favur imħabba imġedda għall-ambjent u l-patrimonju kulturali tagħna, favur is-sbuħija tal-ħajja u l-valuri l-aktar għolja, favur etika profonda fil-ħajja tax-xogħol, favur l-altruiżmu u s-solidarjetà, favur il-ġid komuni u nazzjonali tal-poplu tagħna.
Nawguralkom sena ta' ħidma mill-aqwa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN