SAJF B'INQAS TNIĠĠIŻ TAL-BAĦAR: SILTIET MINN DISKORS LI L-MINISTRU GĦALL-AMBJENT FRANCIS ZAMMIT DIMECH GĦAMEL META SEGWA ATTIVITÀ TA' TINDIF TA' QIEGĦ IL-BAĦAR FIL-BAJJA TA' SAN ĠORĠ, SAN ĠILJAN
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li issa li l-istaġun turistiku riesaq lejn tmiemu nistgħu naslu għal xi konkluzjonijiet dwar il-kwalità tal-baħar madwar il-Gżejjer Maltin.
Francis Zammit Dimech qal li jirriżulta li mill-1 ta' Ġunju sal-lum kien hemm sitt siti f'Malta u Għawdex li ngħalqu għall-għawm wara li kampjuni identifikaw kontaminazzjoni minħabba żbroff mid-drenaġġ. Dawn is-siti, ħamsa f'Malta u wieħed f'Għawdex, ngħalqu bejniethom għal 32 jum. Minħabba li kien hemm siti minn fejn jittieħed iżjed minn kampjun wieħed kien hemm b'kollox 56 site days li matulhom dawn is-siti ma kenux tajbin għall-għawm. Il-Ministru għall-Ambjent fakkar li f'Lulju li għadda kien hemm ħsarat f'mains tad-drenaġġ fil-Mellieħa u f'San Pawl il-Baħar li kienu responsabbli għall-parti l-kbira tal-jiem li l-baħar ingħalaq għall-għawm.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-ħsarat kienu konċentrati fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, bir-riżultat li l-bajjiet l-oħrajn kienu tajbin għall-għawm tul l-istaġun kollu tas-sajf. Il-Ministru għall-Ambjent qal li fl-inħawi ta' tas-Sliema u San Ġiljan, li l-bajja ta' San Ġorġ tagħmel parti minnu, l-uniku sit li ngħalaq għal erbat ijiem kien biss il-bajja tal-Balluta fejn wara x-xita qawwija li għamlet f'Awissu niżel f'din il-bajja kulma kien hemm fit-toroq u fil-gandotti ta' l-ilma u b'hekk tniġġset il-bajja. Qal li l-bajja damet magħluqa erbat ijiem għaliex biex post fejn tinstab kontaminazzjoni jerġa' jinfetaħ għall-għawm iridu jittieħdu tliet kampjuni li juru li l-baħar m'għadux imniġġeż.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li minkejja l-propaganda qarrieqa li saret matul is-sajf li għadda fejn il-baħar kollu madwar Malta ġie mpinġi bħala mniġġeż il-56 jum li fihom siti minn fejn jittieħdu kampjuni ngħalqu għall-għawm jikkomparaw tajjeb ħafna ma' ta' snin oħra. Hu qal li s-sena l-oħra siti minn fejn jittiehdu l-kampjuni ngħalqu għal 59 jum filwaqt li fl-1995 ingħalqu għal 964 jum.
Hu qal li dan it-titjib fil-kwalità ta' l-ilma baħar ma ġiex b'kumbinazzjoni. Kien ir-riżultat ta' ħidma qawwija biex issaħħet is-sistema tad-drenaġġ bħala riżultat tal-Master Plan tad-Drenaġġ li wassal biex tqiegħdu mains ġodda u nbnew pumping stations li huma anke attrezzati b'generators ħalli jibqgħu jaħdmu meta ma jkunx hemm kurrent elettriku. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li tajjeb ifakkar li qabel saret din il-ħidma fuq is-sistema tad-drenaġġ l-aktar bajjiet popolari, bħal dik ta' San Ġiljan, Marsascala u Birżebuġia, kienu mniġġsa mid-drenaġġ. Francis Zammit Dimech fakkar li l-ħidma biex is-sistema tad-drenaġġ tinżamm fi stat tajjeb qed tissokta. Fakkar li t-Taqsima tax-Xogħlijiet bħalissa qed tqiegħed għaxar kilometri ta' mains tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Ħ'Attard, Ħal-Qormi u r-Rabat. Qal li din il-ħidma se tkompli fis-snin li ġejjin meta se tissaħħaħ l-infrastruttura u se jinbnew impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ biex fi żmien ftit snin oħra d-drenaġġ kollu li jintefa' fil-baħar ikun imsoffi.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li fix-xhur li ġejjin id-Dipartiment tad-Drenaġġ se jkompli jaħdem biex isaħħaħ is-sistema biex il-kwalità ta' l-ilma baħar is-sajf li ġej tkun anke aħjar minn dik tas-sajf li għadu kif għadda.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN