ŻVILUPP TA’ PARKS NAZZJONALI U REĠJONALI
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech faħħar ix-xogħol ta’ tindif u bini ta’ ħitan tas-sejjieħ li qed isir barra s-swar tal-Kottonera, f’lokalità mimlija storja u li kienet qed tinbidel mill-istat ta’ abbandun li kienet fih f’Park Reġjonali u Kulturali.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal dan waqt li kien qed izur xoghlijiet li qed isiru bhalissa fil-Park Regjonali u Kulturali tal-Kottonera. Huwa kompla li kienu diġà saru t-tħejjijiet biex din is-sena toħroġ offerta għall-bini ta’ aktar minn 800 metru ta’ boundary wall madwar l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, fejn hemm masġar taż-żebbuġ.
Il-Ministru kellu kliem ta’ kundanna ghal min tefa’ f’dawn l-inħawi kwantitajiet kbar ta’ terrapien u radam ġos-siġar taż-żebbuġ. Qal li dan il-post issa qed ikollu jitnaddaf. Ma jistax ikun li min-naħa l-Gvern jinvesti fi proġetti bħal dan u min-naħa l-oħra jibqa’ jkun hawn nies irresponsabbli li jiddisponu minn kull tip ta’ skart li jkollhom f’inħawi li jkunu għadhom kif tnaddfu. Hu appella lill-Kunsill Lokali biex jieħu l-passi kollha meħtieġa biex postijiet bħal dan, wara li jitnaddfu u jinbidlu f’zoni fejn in-nies tal-lokal iqattgħu il-ħin liberu tagħhom, jitħarsu mill-vandaliżmu u minn dawk li m’għandhom l-ebda sens ċiviku.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech faħħar lill-Unit għall-Ippjanar Ambjentali fi ħdan is-Sezzjoni għall-Iżvilupp u l-Immaniġġjar ta’ l-Ambjent, għall-ħidma li qed jagħmlu biex jagħtu lura lill-poplu żoni li qed ikunu żviluppati f’parks. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan il-Unit kellu rwol importanti fl-izvilupp ta’ diversi parks nazzjonali u regjonali.
Il-Ministru ghall-Ambjent qal li dan il-Unit għadu kif żviluppa parti oħra tal-park Nazzjonali f’Ta’ Qali, li se jkollu l-opportunità jżur, flimkien ma’ rappreżentanti tal-media, nhar is-Sibt li ġej.
Dr Zammit Dimech qal li kienu ffinalizzati proposti għall-ewwel fażi tal-Park Nazzjonali f’Burmarrad; waqt li kienu qed isiru tħejjijiet biex jitħawwlu siġar fil-parti ta’ fuq ta’ dan il-park. Qal ukoll li qed jitlestew il-proposti għall-kumplament tal-park.
Francis Zammit Dimech qal li proġett ieħor li fuqu kien qed jaħdem dan il-Unit kien dak tal-Park Reġjonali f’Wied Għomor. Semma li f’dan il-park kienet tkompliet it-tiswija tal-ħsara estensiva li kien hemm fil-ħitan tas-sejjieħ. Fakkar li kienu nħolqu zoni apposta li l-pubbliku ikun jista’ juża għal skopijiet rekreattivi mix-xitwa li ġejja. Qal li kienu qed isiru wkoll tħejjijiet biex titqiegħed sistema ta’ ilma u bankijiet fid-daħla tal-wied.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-perit George Buhagiar li kien imexxi s-Sezzjoni għall-Iżvilupp u l-Immaniġġjar ta’ l-Ambjent li kienet tiġbor fiha erba’ units oħra responsabbli mit-tisbiħ urban, tindif, tiswija u manutenzjoni u ppjanar ambjentali. Hu qal li l-ħaddiema ta’ dawn il-units flimkien ma’ ħaddiema mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi, kienu qed iwettqu ħidma importanti biex jibdlu zoni mitluqa f’lokalitajiet ta’ rikreazzjoni.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech appella lil kulħadd biex iħares dawn il-lokalitajiet mill-vandaliżmu, għaliex hu biss jekk jinżammu ndaf u fi stat tajjeb li jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN