ĠIMGĦA MIMLIJA ATTIVITAJIET TA’ TINDIF
F’diskors li ghamel il-Ministru ghall-Ambjent, Dr. Francis Zammit Dimech, waqt li kien qed izur xoghlijiet ta’ tindif fi Triq Diċembru 13, fil-Marsa, huwa qal li l-attivitajiet ta’ tindif li jsiru matul din il-ġimgħa għandhom l-iskop li jqajjmu kuxjenza fost il-poplu dwar l-importanza li l-pajjiż jinżamm nadif tul is-sena kollha. Dr. Zammit Dimech qal li matul din il-ġimgħa wkoll, diversi dipartimenti, Kunsilli Lokali, NGOs u għaqdiet volontarji jingħaqdu biex iwettqu tindif f’diversi partijiet ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li din is-sena kien deċiż li jsiru wkoll diversi xogħlijiet ta’ tindif f’postijiet pubbliċi li jitgawdew mill-maġġoranza tal-pubbliku. Qal li tul is-snin mal-blat fuq kull naħa ta’ Triq Diċembru 13 intefgħu kwantitajiet ta’ skart li jkerrħu din it-triq. Qal li bil-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u ħaddiema mit-Taqsima tad-Distretti tad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni, qed jitnaddaf dan il-blat biex anke din it-triq tingħata dehra nadifa.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li matul is-sena li għaddiet twaqqfet is-Sezzjoni għall-Immaniggjar ta’ l-Ambjent fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Qal li f’din is-sezzjoni nġabru ħames units li jinkluduĠ il-unit għat-tisbiħ fil-kampanja, il-unit għat-tisbiħ urban, il-unit għall-Ambjent Nadif, il-unit għat-tiswija u manutenzjoni u l-unit ghall-ippjanar ambjentali.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din is-sezzjoni neħħiet eluf ta’ tunnellati ta’ materjal minn diversi toroq fil-kampanja, naddfet b’mod regolari postijiet pubblici, naddfet, sewwiet u ħadet ħsieb il-manutenzjoni ta’ sistemi ta’ ilma tax-xita.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li flimkien ma’ din is-Sezzjoni hemm id-Dipartiment għall-Immaniggjar ta’ l-Iskart fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent li għandu r-responsabbilità ta’ twettiq ta’ kuntratti għat-tindif ta’ toroq, manutenzjoni ta’ latrini pubbliċi u ġbir ta’ skart goff.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Ministeru għall-Ambjent b’ħidma flimkien mal-Ministeru tat-Trasport, mal-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u l-Ministeru tal-Kunsill Lokali qed jagħmel ħiltu biex il-pajjiż jinżamm nadif. Qal li m’hemmx dubju li t-toroq ewlenin ngħataw dehra ta’ ndafa sew billi qed jitnaddfu regolarment minn kuntratturi mqabbda apposta u anke bil-ħidma li qed issir mill-Ministeri għall-Ambjent, tat-Trasport u l-Agrikoltura. Fl-istess waqt il-Kunsilli Lokali qed jieħdu ħsieb it-tindif tad-diversi bliet u rħula f’ħafna każi anke bl-għajnuna li tingħata minn dipartimenti, sezzjonijiet u units fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent.
Francis Zammit Dimech qal li jkun kollu ghalxejn li l-Gvern jagħmel ħiltu biex inaddaf il-pajjiz jekk jibqa’ nies irresponsabbli, li minkejja s-servizzi kollha li qed jingħataw bla ħlas, jibqgħu jarmu fejn ġie ġie. Qal li inutili li jitnaddfu toroq fil-kampanja jekk jibqa’ nies li jiddispondu mill-iskart f’dawn l-istess lokalitajiet. Qal li minkejja l-ħidma li qed issir minn pulizija fit-taqsima ta’ l-Administrative Law Enforcement xorta jibqa’ individwi li jidhrilhom li għandhom jkomplu jisfidaw il-liġi.
Il-Ministru għall-Ambjent irringrazzja lill-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u lill-ħaddiema mill-Ministeru għall-Ambjent tal-ħidma li kienu qed jagħmlu u għas-sens ċiviku li qed juru f’ħidmithom
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN