Left arrow Go Back

ĠIMGĦA TA’ ATTIVITAJIET FAVUR L-AMBJENT

pr1352
Date Icon 19/09/2001

Meta nieda gimgħa ta’ attivitajiet fl-okkażjoni tal-kampanja "Clean Up the World" u ta’ ġimgħa favur l-ambjent, organizzata flimkien minn Bay Street Complex u l-Ministeru għall-Ambjent, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-ambjent u l-indafa kienu jintrabtu flimkien għaliex ma setax ikollok ambjent f’saħħtu jekk ma jkunx wieħed nadif. Il-Ministru qal li fl-istess waqt, l-ambjent mhux biss l-indafa, iżda jiġbor fih l-arja li nieħdu, il-baħar madwarna, il-kampanja, l-ikel li nieklu u l-ilma li nixorbu. Qal li hu għalhekk li llum il-poplu sar ferm aktar konxju mill-ambjent għaliex qiegħed kulma jmur jifhem li jekk l-ambjent li fih ngħixu ma jkunx wieħed f’saħħtu, l-anqas min jgħix fih ma jista’ jkun f’saħħtu.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li kien f’dan l-ispirtu li l-Ministeru għall-Ambjent laqa’ l-istedina tal-management ta’ Bay Street Complex biex tkun organizzata ġimgħa ta’ attivitajiet favur l-ambjent li nzertat ħabtet ukoll mal-ġimgħa dedikata għal Clean Up the World Campaign.

Il-Ministru ghall-Ambjent qal li din il-ġimgħa favur l-ambjent ser anke tibda qabel, għaliex nhar is-Sibt kienet se tinżamm car free day fil-belt Valletta. Qal li it-22 ta’ Settembru ntgħażlet mill-Unjoni Ewropea biex tkun organizzata car free day kull sena. Hu qal li car free day tinżamm biex tinħoloq kuxjenza favur li jkollna arja nadifa minħabba li huma l-vetturi li l-aktar li joħolqu tniġġiż fl-arja. Qal li skop ieħor hu li f’dan il-jum nagħtu t-toroq u l-pjazez ta’ fejn issir din l-attività lura lill-pubbliku. Qal li kien jawgura li l-car free day li se tinżamm nhar is-Sibt flimkien mal-Kunsill Lokali tal-belt Valletta tkun suċċess, mhux biss għal min qed jorganizzaha iżda wkoll għall-poplu kollu. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li matul il-ġimgħa li ġejja l-Gvern, l-Kunsilli Lokali, NGOs, għaqdiet volontarji u kumpanniji kummerċjali se jingħaqdu flimkien fi sforz biex inkomplu nnaddfu pajjiżna u biex noħolqu kuxjenza aktar favur l-ambjent.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li fil-Clean Up the World Campaign il-Ministeru għall-Ambjent ħadem biex jinvolvi kemm jista’ mhux biss dipartimenti tal-Gvern, iżda wkoll lis-socjetà ċivili. Qal li matul il-ġimgħa d-dieħla se jkunu qed jitwettqu proġetti ta’ tindif minn 33 Kunsill Lokali u 30 NGOs, għaqdiet volontarji u kumpanniji. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din is-sena l-Ministeru għall-Ambjent kien qed jimmira li jwettaq proġetti ta’ ċertu kobor li jibqa’ jgawdi minnhom il-poplu, mhux biss illum iżda anke fil-futur.

Qal li fost dawn il-proġetti kien se jsir tneħħija ta’ materjal u skart, tindif, bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, żbir u tħawwil ta’ siġar fir-Regional Park tal-Kottonera barra s-swar fuq in-naħa ta’ Ħaż-Żabbar. Dan kien se jitwettaq minn ħaddiema tal-Sezzjoni għall-Immaniġġjar ta’ l-Ambjent fi ħdan id-Dipartiment ta’ l-Industrja tal-Bini u mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi. Qal li proġett ieħor kien dak tal-manutenzjoni tal-picnic area f’Ħal Far fejn qed jinbnew ħitan tas-sejjieħ u jitnaddaf il-post minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, ħaddiema tal-Unit tat-Tisbiħ fil-Kampanja fi ħdan is-sezzjoni għall-Immaniġġjar ta’ l-Ambjent u l-Kunsill Lokali Żurrieq.

Membri tal-Korp tal-Pulizija, ħaddiema mit-Taqsima tad-Distretti tad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni se jnaddfu l-blat fuq kull naħa ta’ Triq Diċembru 13 filwaqt li ħaddiema mis-Sezzjoni għall-Immaniġġjar ta’ l-Ambjent u mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi se jħawwlu siġar tal-ballut u ż-żnuber f’Ta’ Qali mogħtija għal din l-okkażjoni mill-ST Microelectronics li se jkollhom ħaddiema tagħhom jgħinu fil-proġett ta’ tħawwil ta’ siġar. Proġett ieħor ta’ ċertu kobor se jkun dak li se jwettqu Nature Trust li se jagħmlu ħidma ta’ tindif nhar il-Hadd li ġej fl-inħawi tal-Qawra.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li ried jirringrazzja lill-ħaddiema ta’ dawn id-dipartimenti, Kunsilli Lokali u għaqdiet volontarji għall-impenn tagħhom biex inżommu pajjiżna nadif. Hu rringrazzja wkoll lid-diversi sponsors li permezz ta’ l-għajnuna li jagħtu attivitajiet bħal dawn jkunu suċċess. Qal li kulma kien jonqos hu li quddiem sforz bħal dan, dawk il-ftit nies li għamluha l-missjoni ta’ ħajjithom li jħammġu pajjiżhom, ta’ l-inqas jistħu minn għemilhom u jiddeċiedu li ma jkomplux jagħmlu ħsara lil art twelidna. Il-Ministru għall-Ambjent qal li bejn il-Ħamis u s-Sibt tal-ġimgħa d-dieħla kien beħsiebu jdur kemm jista’ minn dawn il-proġetti biex mhux biss jagħti l-appoġġ tiegħu għal din il-ħidma favur ambjent aktar nadif iżda biex iwassal messaġġ li bl-għajnuna ta’ kulħadd nistgħu ngħelbu l-vandaliżmu.

Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih ukoll li l-Ministeru għall-Ambjent kien qed jagħti sehmu biex din il-ġimgħa favur l-ambjent organizzata b’inizjattiva tal-management ta’ Bay Street Complex tkun suċċess.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Ministeru kien qed jagħti l-appoġġ kollu tiegħu billi nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, 27 u 28 ta’ Settembru se jorganizza diversi attivitajiet li jinkludu diskussjoni dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart, attivitajiet maħsuba għat-tfal u tindif tal-bajja ta’ San Gorġ organizzata mill-Marine Oil Pollution Module fi ħdan id-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent bil-parteċipazzjoni ta’ numru kbir ta’ għaddasa.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li Bay Street għandu jservi ta’ bażi minn fejn se jkunu organizzati dawn l-attivitajiet. Qal li kien jemmen li bi ftit sforz minn kulħadd din il-ġimgħa għandha tagħti kontribut siewi biex nifhmu għaliex l-ambjent hu tagħna lkoll u li kulħadd jista’ jikontribwixxi biex nsaħħu l-ambjent madwarna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow