Left arrow Mur Lura

'CAR FREE DAY' FIL-BELT VALLETTA

pr1326
Date Icon 13/09/2001

F'konferenza tal-aħbarijiet dwar l-organizzazzjoni ta' Car Free Day, il-Ministru għall-Ambjent, Francis Zammit Dimech qal li s-sors ewlieni ta' tniġġiż fl-arja f'pajjiżna huma l-emissjonijiet mill-vetturi. Hu qal li f'Marzu li għadda kien hawn f'pajjiżna 248,270 vettura, li 183,423 minnhom, jew 73.9 fil-mija, kienu vetturi privati.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien diġa ħa diversi miżuri biex jonqos it-tniġġiż mill-vetturi. Fakkar li minn Settembru tas-sena l-oħra l-Korporazzjoni Enemalta bdiet timporta diesel b'60 fil-mija inqas kubrit, biex hekk flok diesel b'kontenut ta' 0.5 fil-mija kubrit issa qed nixtru diesel li fih 0.2 fil-mija ta' kubrit. Minn Ottubru tas-sena l-oħra ukoll il-Korporazzjoni Enemalta bdiet timporta petrol bi 62.5 fil-mija inqas ċomb minn dak ta' qabel, biex il-petrol issa fih biss 0.15 fil-mija ta' ċomb.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li barra minhekk fl-aħħar Budget il-Gvern ħa miżuri biex jinkoraġixxi l-użu ta' vetturi u muturi bil-batteriji, meta naqqas it-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karrozzi li jaħdmu bil-batterija għal 16.5 fil-mija mir-rata normali ta' bejn 50 u 75 fil-mija, filwaqt li t-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq muturi li jaħdmu bil-batterija tnaqqset minn bejn 28 u 42 fil-mija għal 6.5 fil-mija.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien ta' pjaċir jinnota li l-importazzjoni ta' petrol bla ċomb kibret minn 6.6 miljun litru fl-1995 għal 33.3 miljun litru fl-2000 filwaqt li l-importazzjoni tal-petrol biċ-ċomb niżlet minn 153.2 miljun litru fl-1995 ghal 47.9 miljun litru s-sena l-oħra. Il-konsum tad-diesel żdied minn 111.8 miljun litru għal 209.9 miljun litru. Qal li fl-istess waqt li kien hemm żieda fl-importazzjoni ta' madwar ta' 20 miljun litru ta' petrol u diesel, iż-żieda tal-petrol bla ċomb kienet ta' 27 miljun litru.

Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li minkejja l-miżuri li qed jittieħdu xorta l-vetturi jibqgħu s-sors ewlieni ta' hazardous particulate matter (trab fin) u ta' livelli relattivament għoljin ta' benzene. Hu qal li dan it-tniġġiż irid ikompli jitnaqqas. Qal li fil-każ tal-vetturi rridu naslu sakemm ma jibqax jinbiegħ aktar petrol biċ-ċomb f'pajjiżna u anke billi nieħdu miżuri ħalli jitnaqqas l-użu tal-vetturi privati billi jibda jintuża aktar it-trasport pubbliku.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li biex il-poplu jsir aktar konxju mill-ħsara li l-vetturi joħolqu għall-ambjent, l-Unjoni Ewropea ħadet l-inizjattiva li wasslet biex diversi pajjiżi qed jintroduċu l-kunċett ta' car free day. Qal li dan il-kunċett ingħata bidu s-sena l-oħra f'Malta meta l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta organizza car free day fuq bażi volontarja. Qal li dan kien l-ewwel tentattiv biex il-poplu jsir aktar konxju mill-ħsara li l-vetturi qed jagħmlu lill-ambjent. Il-Ministru ħabbar li din is-sena l-Gvern, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-belt Valletta, ħaseb biex is-Sibt, 22 ta' Settembru tkun organizzata car free day fil-belt kapitali ta' pajjiżna. Għal dan l-iskop twaqqaf Kumitat Organizattiv li kien jinkludi rappreżentanti ta' diversi organizzazzjonijiet u dipartimenti tal-Gvern bl-iskop li jittieħdu l-inizjattivi kollha meħtieġa ħalli dan il-jum bla vetturi fil-Belt ikun suċċess.

Hu qal li fost dawn l-inizjattivi dak inhar il-Belt se tkun kollha pedestrianised, qed isiru arrangamenti għal aktar servizz bit-trasport pubbliku u se jkunu organizzati attivitajiet biex jattiraw in-nies lejn il-Belt. Peress li dakinhar inzerta li se jkun hemm ukoll ir-riceviment annwali li jsir Kastilja biex ifakkar Jum l-Indipendenza, il-karrozzi se jipparkjaw fil-Foss ta' San Ġakbu u l-mistiedna jew jitilgħu bil-mixi sa Kastilja jew jużaw servizz ta' trasport pubbliku li se jkun provdut apposta.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-ambjent madwarna, li jinkludi l-arja li nieħdu, irridu nħarsuh b'kull mezz. Qal li kien għalhekk li l-Gvern kien iħares favorevolment lejn inizjattivi li jwasslu lill-poplu biex isir aktar konxju mill-ambjent. Il-Ministru fakkar li Malta għandha wieħed mill-ogħla numru ta' vetturi għall-popolazzjoni ta' pajjiżna. Qal li għalkemm il-vetturi kienu ta' użu kbir għall-hajja ta' kuljum ridna wkoll nifhmu li l-vetturi jniġġsu l-arja u li għalhekk qed jagħmlu ħsara lill-ambjent u lil saħħitna. Qal li kien għalhekk li l-Gvern qed jieħu l-miżuri kollha biex titnaqqas il-ħsara. Kien għalhekk ukoll li kien qed jintalab l-appoġġ ta' kulħadd biex inizjattivi favur arja aktar pura ikunu suċċess.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow