Left arrow Go Back

SKAVI BIEX JINSTABU L-PEDAMENTI TAT-TORRI TA’ L-ARLOĠĠ FIL-BIRGU

pr1313
Date Icon 10/09/2001

F’diskors li ghamel il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech nhar il-Gimgha, 7 ta’ Settembru 2001, fl-okkazjoni ta’ Jum il-Birgu organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Birgu, huwa qal li din kienet ir-raba’ darba li kien qed ikun il-Birgu fi żmien ftit ġimgħat.

Il-Ministru fakkar li f’Ġunju kien il-Birgu meta ġew inawgurati żewġ swali għall-konferenzi fl-Armerija, wara xogħol ta’ restawr li sar mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. F’Awissu l-Ministru assista għall-ftuħ tal-Casinò di Venezia wara li l-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ġie rrestawrat b’nefqa ta’ Lm4.6 miljun mill-Port Cottonera Limited u l-Casinò di Venezia bħala parti mill-proġett tal-Kottonera, li issa għaddej b’ritmu tajjeb fuq diversi fronti.

Fakkar ukoll li l-għada kien inawgurat il-pont fi Triq Boffa fid-daħla tal-Birgu li għalih il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera kien ikkontribwixxa madwar Lm15,000 għal materjal u x-xogħol li sar, barra milli pprovda ċangatura qadima.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dawn iż-żjarat kienu juru l-impenn tal-Gvern preżenti li jagħti ħajja ġdida lit-tliet ibliet fil-Kottonera billi permezz tal-proġett tal-Kottonera jiġġenera aktar turiżmu fit-tliet ibliet. Il-ħidma kbira li qed issir mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera flimkien ma’ proġetti kbar bħal dak tad-Dar ta’ l-Anzjani, il-Kumpless Sportiv u l-bini ta’ appartamenti qed ikompli jagħti ħajja ġdida lit-tliet ibliet. Il-Ministru qal li l-Gvern kien qiegħed isaħħaħ ukoll is-servizzi għal dawn l-inħawi biex mhux biss ikun moqdi l-proġett tal-Kottonera, iżda wkoll ir-residenti tat-tliet ibliet li se jkollhom servizzi aħjar ta’ elettriku, ilma u drenaġġ.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li kien ta’ pjaċir għalih li jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Birgu. Hija okkażjoni tajba biex naraw flimkien x’wettaqna u x’se nkomplu nagħmlu fil-futur f’din il-lokalita’. Fil-Birgu, l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera kien lesta x-xogħol preparatorju għall-pavimentar u x-xogħol tar-railing ġdid tal-Belvedere ta’ Couvre Porte.

Tlesta x-xogħol tal-pont fi Triq Boffa, tlesta x-xogħol ta’ titjib ta’ Pjazza San Filippu, beda xogħol ta’ restawr u tlestew żewġ swali fl-Armerija u tlesta xogħol ta’ restawr fil-Mużew Marittimu. Qal li ma’ dan ix-xogħol irid jiżdied dak li qed isir mill-progett tal-Kottonera li s’issa kien konċentrat kollu fix-Xatt tal-Birgu.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fil-ġranet li ġejjin l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent kien se jibda proġett ta’ skavar arkeoloġiku f’Misraħ ir-Rebħa bl-iskop li jinstabu l-pedamenti tat-Torri ta’ l-Arloġġ li kien inqered fl-aħħar gwerra dinjija. Dan se jkun l-ewwel pass lejn proċess li għandu jwassal biex itejjeb u jssebbaħ dan il-misraħ ewlieni tal-Birgu.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f’dawn il-jiem ukoll il-proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera se jkompli wkoll jirrestawra il-paviment tal-qawwi fil-Collacchio. Fejn m’hemmx paviment se jkun provdut. Diġa sar ħafna xogħol fuq dan il-proġett u kien ta’ sodisfazzjon jinnota li din il-ħidma għenet biex kiber l-interess, kemm minn dawk li jridu jixtru proprjeta’ fil-Birgu kif ukoll mit-turisti li qed jiffrekwentaw dejjem aktar dawn l-inħawi. L-ewwel proġett li se jsir hu dak ta’ Triq it-Tramuntana. Dan se jitwettaq bil-kollaborazzjoni tal-ħaddiema tal-Gvern fi ħdan il-Unit għar-Restawr tal-Ministeru għall-Ambjent.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera se jkompli bil-programm ta’ restawr li diġa’ nieda. Fil-ġimgħat li ġejjin għandhom joħorġu offerti għal restawr ta’ parti mill-Kunvent ta’ Santa Skolastika u parti mill-Bieb ta’ Notre Dame. Se jibda wkoll ir-restawr tas-sur ta’ Couvre Porte.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien cert li dawn il-progetti qed ikomplu jagħtu ħajja ġdida lill-Birgu billi qed jiġbdu lejn l-inħawi mhux biss turisti barranin, iżda anke ħafna Maltin li huma kburin mill-wirt storiku ta’ pajjiżna u jridu jsiru jafu aktar dwaru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow