Left arrow Mur Lura

SILTIET MINN DISKORS LI L-MINISTRU GĦALL-AMBJENT FRANCIS ZAMMIT DIMECH GĦAMEL META SEGWA ATTIVITA’ TA’ TINDIF TA’ QIEGĦ IL-BAĦAR F’TAS-SLIEMA – TWISSIJA KONTRA MIN JAGHMEL IL-HSARA

pr1303
Date Icon 06/09/2001

Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li ried jieħu l-okkażjoni ta’ din l-attivita’ ta’ tindif tal-baħar madwar il-gżejjer Maltin biex jikkundanna bil-qawwa kollha lil kull min qed jagħmel ħsara lis-settur turistiku f’pajjizna, li jikkontribwixxi ghal kwart tal-gid nazzjonali, billi jagħmel propaganda qarrieqa li tagħmel biss ħsara lil isem pajjiżna. Il-Ministru qal li kien qed jirreferi għal rapport li deher il-ġimgħa l-oħra fil-media Ingliża dwar l-istat ta’ l-ibħra Maltin.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li meta l-Gvern igħid li l-kwalita’ ta’ l-ilma baħar din is-sena kienet fost l-aqwa li qatt kellna jkun qed jibbaża l-istqarrijiet tiegħu fuq ċifri u fatti. Hu qal li sa qabel ma pajjiżna kellu dan il-Gvern il-bajjiet f’Malta kienu fil-parti l-kbira kkontaminati mid-drenaġġ. Kellna drenaġġ ħiereġ fil-bajjiet popolari ta’ San Ġiljan, f’diversi partijiet f’tas-Sliema, f’Birżebbuġa u Marsascala. Qal li kien biss wara li l-Ġvern preżenti beda jimplimenta l-Master Plan tad-Drenaġġ li dawn il-bajjiet saru tajbin għall-għawm.

Hu rrepeta li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kien jieħu kampjuni regolari kull ġimġħa minn 96 post fejn isir l-għawm. Jekk minn dawn jirriżulta li xi lokalita’ tkun imniġġsa tingħalaq minnufih għall-għawm u tinfetaħ biss wara li jkun hemm tliet kampjuni konsekuttivi li juru li t-tniġġiż spiċċa.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li bejn tas-Sliema u San Ġiljan kien hemm 13-il lokalita’ li minnhom jittieħdu kampjuni b’mod regolari. Qal li kien ta’ pjaċir jinnota li tul dan l-istaġun tas-sajf l-unika lokalita’ li ngħalqet għall-għawm kienet dik tal-Balluta, taħt it-taraġ. Din ingħalqet għal erbat ijiem wara l-maltempata ta’ Awissu meta x-xita niżżlet lejn il-baħar kulma sabet fi triqtha, inkluż l-iskart li jkun hemm fl-istorm water culverts. Qal li ċertifikat aħjar minn dan ma setax ikollna ta’ kemm il-Gvern prezenti qed jieħu ħsieb li ma jkunx hemm tniġġiż fl-ibħra.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li llum il-poplu bir-raġun kollu qed isir aktar konxju mill-kwalita’ ta’ l-ilma baħar. Dan qed iwassal biex kuljum il-Ministeru jkollu rapporti dwar l-kwalita’ ta’ l-istess ilma baħar. Dawn jiġu investigati immedjatament ikun x’ħin ikun li jsiru. Il-Ministru qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm diversi rapporti dwar ilma li kien ħiereġ fil-baħar faċċata ta’ Triq Wilġa, San Ġiljan. Mhux biss ġie determinat li s-sistema tad-drenaġġ f’Paceville qed taħdem tajjeb, iżda wara li sar stħarriġ bis-sistema tas-CCTV instab is-sors tal-pajp li qed jisbokka fil-baħar. Filwaqt li l-likwidu li qed jintefa’ fil-baħar mhux drenaġġ, xorta l-lukanda li minnha ħiereġ dan l-ilma twissiet biex jew telimina dan il-pajp, jew titlob għall-permessi meħtieġa biex tkun tista’ titfa’ ilma minn impjant tar-reverse osmosis jew reject tal-cooling system fl-ambjent marittimu, biex b’hekk kollox ikun regolat skond il-liġi.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li fil-ħarsien ta’ l-ambjent il-Gvern jistenna l-koperazzjoni ta’ kulħadd. Hu kkundanna lil dawk l-istabbilimenti li f’Paceville jaħslu l-ħwienet tagħhom u jikinsu kollox fit-triq bir-rizultat li dan l-ilma maħmuġ jispiċċa jinten taħt is-sħana tax-xemx. Qal li uffiċjal mill-Ministeru għamel rapport personali mal-Pulizija biex jittieħdu passi kontra min qed iħammeg l-ambjent.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal ikun kollu għalxejn li l-Gvern jinvesti miljuni ta’ liri f’tisbiħ tal-promenades ta’ pajjiżna, li jonfoq miljuni għat-tindif tal-pajjiż u tax-xtajtiet, li jagħmel minn kollox biex is-sistema tad-drenaġġ tinżamm fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni l-ħin kollu, jekk imbagħad mhux kulħadd jikkopera biex ma jkunx hemm tniġġiż fil-baħar u ħmieġ fuq l-art.

Il-Ministru għall-Ambjent ikkundanna l-atti ta’ sabutaġġ li saru l-ġimgħa l-għaddiet fis-sistema tad-drenaġġ. Qal li l-ħsarat li seħħew fis-sistema f’Marsaxlokk il-Hadd 26 ta’ Awissu, kienu qed ikunu investigati mid-Dipartiment tad-Drenaġġ filwaqt li t-tfigħ ta’ zokk twil madwar tliet metri f’tappiera qabel il-Pumping Station tal-Marsa, li nstab minn ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ nhar is-Sibt 1 ta’ Settembru, kien qed jiġi investigat mill-Pulizija. Il-Ministru fakkar li nhar is-Sibt ukoll kien hemm inċident ieħor fejn bowser li jiġbor drenaġġ likwidu mill-irziezet tefa’ dan l-iskart b’manhole tal-Maltacom. Id-Dipartiment tad-Drenaġġ naddaf il-post u qiegħed jinvestiga min seta’ għamel dan l-att. Il-Ministru Francis Zammit Dimech ikkundanna dawn l-atti ta’ sabutagg u qal li min kien qed jattwahom ma kienx qed jagħmel ħsara lill-Gvern, iżda lill-poplu Malti u lill-isem tajjeb ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li ried jieħu l-okkażjoni biex mill-ġdid jikkundanna l-ħsara li saret fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li meta saret il-ħsara u l-Ministeru ntalab l-għajnuna mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar biex tnaddaf il-bajja kien pront bagħat gaffa żgħira, trakk u diversi għodda żgħira flimkien man-nies li joperaw l-inġenji, biex jagħtu s-sehem proattiv tagħhom fit-tindif ta’ l-istess bajja f’tentattiv biex nippruvaw inġibuha għall-istat oriġinali tagħha.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li min jagħmel ħsara lill-pajjiżu ħaqqu biss l-istmerrija tal-poplu. Hu wissa li kien wasal iż-żmien li jibdew jittieħdu azzjonijiet aktar iebsa kontra min iħammeġ, iniġġeż u jagħmel ħsara lill-ibħra madwarna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow