INĦARSU L-AMBJENT NATURALI F’PAJJIŻNA
F’diskors li l-Ministru għall-Ambjent, Dr. Francis Zammit Dimech ghamel waqt attivita’ ghat-tfal organizzata mis-socjeta’ Nature Trust (Malta), huwa qal li l-ħarsien ta’ l-ambjent naturali ta’ pajjiżna hu ta’ priorita’ għall-Gvern. Minn dan il-ħarsien jiddependi x’tip ta’ ħajja ngħixu ghaliex jekk l-ambjent ikun maħmuġ u mniġġeż, tbati saħħitna. Jekk l-ambjent naturali jinżamm fi stat tajjeb allura kulħadd ikun jista’ jgħix aħjar.
Francis Zammit Dimech qal li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent jieħu ħsieb jifformula u jattwa policies dwar il-ħarsien ta’ habitats u dwar l-immaniġġjar ta’ siti ekoloġikament sensittivi fosthom Wied Għollieqa, Għajn Tuffieħa u r-Ramla l-Ħamra. Dan id-Dipartiment jagħmel ukoll diversi regolamenti ġodda għall-ħarsien ta’ l-ambjent ambjentali, fosthom regolamenti ġodda dwar is-siġar, emenda għar-regolamenti dwar il-ħarsien tal-flora u l-fawna biex ikunu konformi ma’ l-obbligazzjonijiet internazzjonali li għandu pajjiżna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern jahdem ukoll biex iressaq lejn xulxin għaqdiet li għalkemm l-iskopijiet li għalihom twaqqfu jidhru li huma opposti jekk min jirrapreżentahom jiltaqa’ madwar mejda waħda jsib li hemm aktar x’jghaqqadhom milli x’jifridhom. Hu qal bis-saħħa tad-djalogu bejn il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba Konservazzjonisti u għaqdiet ambjentali twaqqfet il-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tal-Għasafar bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba Konservazzjonisti u Birdlife Malta bl-iskop li din il-Fondazzjoni tniedi proġetti li dwarhom jaqblu ż-żewġ għaqdiet fosthom it-trobbija tas-summien biex ikunu ikkaċjati lokalment, l-introduzzjoni tal-Barbaġann f’pajjiżna u t-twaqqif ta’ monitoring board li qed jara li r-regolamenti preżenti tal-kaċċa u l-insib ikunu nfurzati b’mod ġust u effikaċi.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-ħarsien ta’ l-ambjent naturali jinvolvi wkoll it-tindif tal-kampanja u l-widien f’pajjiżna. Qal li bħalissa d-diversi units fi ħdan is-Sezzjoni għall-Iżvilupp u l-Imaniġġjar ta’ l-Ambjent qed iwettqu ħidma importanti li tinkludi tindif ta’ widien minn skart li nġema’ fihom tul is-snin, tindif ta’ toroq fil-kampanja, tindif u tisbiħ ta’ inħawi urbani, bini u tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li filwaqt li l-Gvern jagħmel il-parti tiegħu biex ikun imħares l-ambjent naturali f’pajjiżna kulħadd irid jagħti sehmu. Hu appella biex kulħadd jagħraf ir-responsabiltajiet tiegħu bħala ċittadin ta’ soċjeta’ ċivili u mhux talli ma jkunx hu li jħammeġ u jniġġeż l-ambjent iżda jagħti sehmu biex ħadd ma jħammeġ billi jiddisponi minn skart ta’ kull tip fit-toroq tal-kampanja u fil-widien. Il-Ministru għall-Ambjent qal li pajjiżna kellu l-vantaġġ li ma kellhomx pajjiżi oħrajn. Kellu servizzi għall-ġbir ta’ skart domestiku u skart goff b’mod regolari u mingħajr ħlas. Għalhekk ma setax jifhem kif għad hawn nies li jarmu fil-kampanja
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN