XOGĦLIJIET F’TOROQ FL-ISLA
L-Isla hi waħda mill-ftit lokalitajiet f’Malta fejn ma hemmx toroq ġodda li jridu jinbnew u dan għaliex hi belt li ilha mibnija snin twal, fejn it-toroq ilhom lesti għal bosta snin. Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm xogħlijiet li jridu jsiru fit-toroq tagħha. Lanqas ma jfisser li ma jkunx hemm diffikulatjiet moħbija, bħalma ġara matul il-gimgħa l-oħra, fejn trakk tal-kuntrattur spiċċa nofsu taħt l-art għaliex ma kienx magħruf sewwa x’hemm taħt wiċċ it-triq.
Minbarra hekk, bliet antiki bħalma hi l-Isla, jkollhom jiffaċċjaw problemi oħra marbuta mas-servizzi qodma li jkun hemm taħt l-art. Fil-każ ta’ l-Isla inħasset il-ħtieġa li l-mains ta’ l-ilma jinbidlu biex dawn l-inħawi jkollhom provista ta’ ilma ferm aħjar minn ta’ qabel, u tfisser ukoll li tonqos sostanzjalment il-ħela ta’ l-ilma.
Biex dan jista’ jsir kien naturali li t-toroq ta’ fejn kellhom igħaddu s-servizzi ġodda riedu jinqalgħu. B’hekk kien meħtieġ li jsir il-bini mill-ġdid ta’ l-inħawi fejn riedu jsiru dawn is-servizzi ġodda. Il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni, permezz tad-Dipartiment tat-Toroq, ħa ħsieb joħroġ it-tenders għax-xogħol li kien meħtieġ isir. Fil-fatt ix-xogħol fl-Isla, għalkemm mhux xogħol f’toroq arterjali jew distributorji, qed isir mid-Dipartiment tat-Toroq b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali, li fehem li bil-fondi normali tiegħu ma setax iwettaq sewwa x-xogħol li xtaq jara lest.
Il-policy tal-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni hi waħda sempliċi u ċara, għal kull min irid jaraha. Kulfejn hemm xogħol li jrid isir, jitlestew is-servizzi li huma meħtieġa fl-inħawi u wara jinbnew it-toroq li jkunu meħtieġa.
Din il-policy qed twassal biex ikun hemm il-koordinazzjoni meħtieġa mal-korporazzjonijiet li jagħtu s-servizzi differenti, id-Dipartiment tat-Toroq, u l-Gvern Ċentrali.
Hu naturali li meta jkun hemm dan it-tip ta’ ko-ordinazzjoni x-xogħol isir aħjar. Hu naturali wkoll li kultant il-Kunsill Lokali konċernat ikun irid li x-xogħol isir iktar malajr, iżda biex jitfassal u jitwettaq xogħol bħal dan ikun meħtieġ iż-żmien.
Ix-xogħol li qed isir fl-Isla ser jiġi jiswa madwar Lm 55,000 u żgur li kieku ma kienx hemm l-intervent u l-ħidma tal-Gvern Ċentrali dan ix-xogħol jew ma kienx isir, inkella kien idum numru twil ta’ snin biex isir
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN