GĦAL SKEJJEL AĦJAR F’GĦAWDEX
Il-qasam ta’ l-edukazzjoni huwa ta’ prijorita’ fl-aġenda tal-Ministeru għal Għawdex. Għalhekk, matul dawn l-aħħar xhur, il-ħidma intensiva fl-iskejjel tal-gżira baqgħet għaddejja b’ritmu mgħaġġel. L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, żaret uħud mill-iskejjel t’Għawdex fejn qiegħed jitwettaq xogħol infrastrutturali li għandu jtejjeb l-istruttura fiżika ta’ l-iskejjel t’Għawdex.
Fl-iSkola Sekondarja Ninu Cremona li tilqa’ fiha studenti subien ta’ etajiet bejn il-11 u s-16-il sena, bħalissa għaddej xogħol ta’ tibjid u żebgħa fil-klassijiet kollha. Huwa stmat li dan il-proġett f’din l-iskola jaqbeż l-ispiża kapitali ta’ Lm21,000. Fil-ġejjieni qrib ser jingħata bidu għall-proġett ieħor ta’ tiswija tal-Membrane kif ukoll Waterproofing tal-bejt ta’ l-iskola, li flimkien ma’ xogħol ieħor simili fl-iskola primarja ta’ l-Għarb għandu jlaħħaq l-ispiża ta’ iktar minn Lm8,000. Dan minbarra x-xogħlijiet oħra li mistennija isiru fil-futur li jinkludu l-kostruzzjoni u finishing ta’ shaft għal-Lift u Machine Room, proġett li mistenni jiswa madwar Lm24,000, kif ukoll ix-xiri u l-istallazzjoni ta’ Lift li huwa mistenni li jiswa madwar Lm16,000. Dan il-proġett se jwassal sabiex anke l-iSkola Ninu Cremona tkun aċċessibbli għal studenti b’livelli differenti ta’ diżabilita’.
Dan minbara x-xogħlijiet oħra li twettqu matul dawn l-aħħar tlett snin, li jinkludu dawk marbuta ma’ l-egħluq tal-kurituri esterni bl-aluminium, il-manutenzjoni tal-klassijiet flimkien mat-tisbiħ ta’ blokk sħiħ, kif ukoll it-tkabbir u iktar attrezzament fil-Home Economics Room minħabba ż-żieda ta’ studenti li għażlu dan is-suġġett.
Fl-iSkola Sekondarja Kan. Ġ.P.F. Agius de Soldanis, li tilqa’ fiha studenti bniet ta’ etajiet bejn il-11 u s-16-il sena, bħalissa qed isir it-tkomplija tat-tisbiħ fil-klassijiet u l-faċċata ta’ l-iskola, xogħol li huwa stmat li jaqbeż l-ispiża kapitali ta’ Lm21,000. Xogħlijiet oħra li saru dan l-aħħar f’din l-iskola jinkludu t-tibdil sħiħ tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-gass fil-laboratorji tax-Xjenzi, flimkien mat-tibdil komplet tat-toilet facilities ta’ l-iskola.
Minbarra fl-iskola primarja ta’ l-Għarb fl-iskejjel l-oħra ta’ Għajnsielem, Nadur u Sannat huwa mistenni li dalwaqt jinbdew diversi xogħlijiet. F’Għajnsielem ix-xogħlijiet ser jinkludu l-egħluq ta’ aperturi tal-kurituri esterni kif ukoll it-…/…tiswija tal-Membrane u Waterproofing tal-bejt ta’ l-Iskola, xogħlijiet li mistennija jiswew madwar Lm20,000. Xogħol ieħor li mistenni jsir iktar ’il quddiem huwa relatat ma’ l-upgrading ta’ l-installazzjonijiet elettriċi u ta’ plumbing tal-propjeta’, flimkien ma’ xogħlijiet oħra relatati, li mistennija jiswew iktar minn Lm12,000.
Fl-iskola Primarja tan-Nadur li tinkludi wkoll l-Iskola tad-Drama, s’issa inħareġ tender sabiex isiru x-xogħlijiet kollha neċessarji għall-istallazzjoni elettrika u ta’ Stage Lighting fl-iskola, li huma stmati li jlaħħqu l-ispiża ta’ madwar Lm14,000.
Ġewwa l-iSpecial Unit t’Għawdex, li tifforma parti mill-Iskola Primarja ta’ Sannat, bħalissa għaddejja ħidma intensiva sabiex sezzjoni tal-Unit tiġi adattata għall-użu ta’ studenti bejn it-tlett u s-sitt snin. Ix-xogħlijiet li saru f’din l-aħħar sena kienu jinkludu t-twessiegħ ta’ aperturi, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ rampi u kuritur intern sabiex jgħaqqad il-kumplament ta’ l-iskola u jipprovdi aċċess għal persuni b’diżabilita’, installazzjoni mill-ġdid tas-sistema elettrika fil-Gym u Hygiene Area, twieqi ta’ l-aluminium, heating system ġdida u therapy couch ġdid għall-Hygiene Area, kif ukoll arranġamenti fil-faċilitajiet sanitarji u tisbiħ ġenerali.
Dan l-aħħar l-HSBC Cares for Children Fund tat apparat għal tfal bi bżonnijiet speċjali sabiex jintuża fit-Therapy Gym ta’ l-iSpecial Unit, donazzjoni illi tlaħħaq is-somma ta’ Lm1,000. Din id-donazzjoni saret wara laqgħa li s-Sur Jeremy Hunt (Chairman, HSBC Cares for Children Fund) kellu ma’ l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. L-apparat ġdid flimkien mat-Therapy Gym għandhom jgħinu l-iżvilupp fiżiku u intellettwali ta’ studenti f’din il-Unit kif ukoll jipprovdu ambjent ta’ sigurta’ fejn l-istess studenti jistgħu jeżerċitaw l-esperjenzi sensorjali importanti ferm għall-iżvilupp olistiku tagħhom. Fi kliem Jeremy Hunt, "l-HSBC Cares for Children Fund hija sodisfatta immens illi setgħet toffri l-assistenza tagħha b’riżq proġett ta’ sinifikat daqstant kbir".
F’diskors ta’ l-okkażjoni l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, ikkonfermat l-impenn min-naħa tal-Ministeru tagħha lejn il-qasam ta’ l-edukazzjoni tal-gżira. "Xhieda ta’ dan huwa x-xogħol intensiv li wettaqna matul dawn l-aħħar tlett snin, fejn uħud mill-iskejjel t’Għawdex ingħatatilhom l-attenzjoni meħtieġa sabiex jiġu mmodernizzati u jkunu jixirqu ż-żminijiet tal-lum. Din il-ħidma hija parti minn pjan tal-Ministeru għal Għawdex fejn sa sentejn oħra kull skola tkun ingħatatilha l-attenzjoni meħtieġa. S’issa x-xogħlijiet twettqu skond l-ordni ta’ prijorita’. Għalhekk, ma nistax ma nsemmix il-ħidma li twettqet fl-iskejjel primarji tal-Qala, Sannat u Victoria, kif ukoll fiż-żewġ skejjel sekondarji t’Għawdex, iċ-Ċentru u l-Hostel ta’ l-Institute of Tourism Studies kif ukoll fiċ-Ċentru għal Studji Avvanzati Sir Mikelanġ Refalo".
Il-Ministru Debono kienet akkumpanjata mis-Sur Michael A. Cassar, Assistent Direttur Operations fid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni (Għawdex), il-Perit Maurice Galea (inkarigat mill-proġett) u uffiċjali oħra.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN