TISSAĦĦAĦ L-INDUSTRIJA TAT-TURIŻMU F’GĦAWDEX B’IKTAR ĦADDIEMA
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, dalgħodu qassmet ċertifikati lil 55 student li temmew b’suċċess il-korsijiet fl-Institute of Tourism Studies (Għawdex) u li għaddew mill-eżamijiet ta’ l-I.T.S. (Malta) u tas-City and Guilds (London).
F’diskors ta’ l-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex faħħret lill-kumitat ta’ tmexxija ta’ l-Istitut, kumitat imwaqqaf mill-Ministeru għal Għawdex illi ħadem hafna sabiex ikompli jissaħħaħ dan iċ-ċentru fil-gżira. Fil-fatt, sa mit-twaqqif tiegħu fl-1989, aktar minn 900 student attendew korsijiet fiċ-Ċentru t’Għawdex.
"In-neċessita’ ta’ taħriġ f’dik l-industrija li hi pilastru ewlieni għall-ekonomija ta’ Għawdex jinħass ferm. Għalhekk huwa tassew importanti li f’Għawdex stess ikollna Ċentru li mhux biss jeduka u jħarreġ imma wkoll iħajjar iktar studenti Għawdxin jieħdu din l-industrija bis-serjeta’, biex b’hekk tkompli tissaħħaħ din l-industrija b’iktar ħaddiema kwalifikati. Bi pjaċir ngħid illi din is-sena, iċ-Ċentru ta’ l-ITS f’Għawdex kiser ir-rekord tas-snin ta’ qabel f’dik li hi reġistrazzjoni għall-korsijiet. Biżżejjed nirreferi għall-kors full-time ta’ sentejn – HOSPITALITY – illi s’issa għandu 36 applikazzjoni proviżorja. Din ser tkun l-ewwel darba li minbarra studenti li jkomplu t-tiena sena tal-kors, fl-istess ħin ser ikun hemm żewġ gruppi oħra li ser jibdew l-ewwel sena.
Din hija prova li l-interess ta' l-Għawdxin ghal taħriġ fis-settur turistiku qiegħed jikber dejjem aktar – fattur li ser jgħolli l-livell ta’ l-impjegat Għawdxi f'dan il-qasam importanti, qasam li maż-żmien qiegħed ikompli jissaħħaħ". Il-Ministru Debono irreferiet għall-istatistika li turi li s-settur turistiku f’Għawdex qiegħed jiżdied matul is-sena kollha, b’żieda medja ta’ 62% ta’ turisti Maltin u barranin li żaru lil Għawdex fil-perijodu ta’ Jannar-Ġunju minn l-1998 ‘l hawn kif ukoll żieda medja ta’ 55% fuq in-numru ta’ iljieli li qattgħu t-turisti f’Għawdex għall-istess perijodu.
Minbarra l-kors full-time fil-Hospitality, matul is-sena akkademika li għaddiet kien hemm ukoll numru inkoraġġanti ta' studenti li attendew part-time courses fil-Food Preparation u fil-Food Service (30 student fl-2000/01). Bħalissa qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet proprji ghall-korsijiet kollha għas-sena akkademika li jmiss, jiġifieri 20001/2.
L-Institute for Tourism Studies (Għawdex) matul din l-aħħar sena wettaq diversi inizjattivi. Ta’ min isemmi l-iskema ta’ taħriġ li ġiet imwaqqfa, skema immirata lejn dawk li jaħdmu fis-settur turistiku Għawdxi.
Permezz ta' din l-iskema ħaddiema fis-settur turistiku jintbagħtu għal taħriġ barra minn Malta għal perijodu li jvarja bejn 20 ġimgħa u sena. Waqt dan it-taħriġ l-impjegati jitħallsu mill-lukanda li jkunu jaħdmu magħha, filwaqt li jibqgħu jżommu l-impjieg tagħhom full-time ma’ l-istabbiliment Għawdxi. Għal uħud li ser joqgħodu aktar mill-perjodu minimu, dan ser iwassal għal ċertifikat NVQ.
Wara li l-Hostel ta’ l-ITS għaddiet f’idejn il-kumitat ta' tmexxija ta’ l-ITS din ġiet refurbished flimkien maċ-ċentru kollu tal-ITS Qala. Dan wassal biex qed tkun offruta akkomodazzjoni serja, kif jixhed ir-rispons pożittiv min dawk li qegħdin jagħmlu użu minnha.
Bħal snin oħra sar skambju ta’ studenti Għawdxin mal-Kulleġġ ELISHOUT fi Brussell. Għal din is-sena kienu ħames Għawdxin mill-industrija tat-turżmu li attendew għal programm ta’ studju u xogħol fil-Belġju, filwaqt li tlett studenti mill-ELISHOUT ħadu esperjenzi ta’ tlett xhur xogħol ġo lukandi f’Għawdex. F’Novembru li għadda, lecturers mill-istess Kulleġġ taw sessjonijiet ta’ taħriġ lil ħaddiema fis-settur turistiku f’Għawdex.
Preżenti għall-okkażjoni ta’ dalgħodu kien hemm ukoll l-Onor. Michael Refalo, Ministru tat-Turiżmu; is-Sur Edwin Borg, Chairperson tal-Kumitat tat-Tmexxija ITS Għawdex u rappreżentanti oħra tal-Kumitat
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN