Left arrow Mur Lura

IL-GVERN JIKKUMBATTI S-SORSI KOLLHA TA' TNIĠĠIZ FL-IBĦRA

pr1212
Date Icon 16/08/2001

Siltiet minn diskors li l-Ministru Francis Zammit Dimech għamel meta segwa attivita' ta' tindif ta' qiegħ il-baħar fil-Bajja tax-Xlendi f'Għawdex

Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li attivitajiet bħal dik li kienet qed issir f'Għawdex kienu maħsuba sew biex ikun hemm ħidma konkreta ta' tindif ta' l-ibħra madwar il-gżejjer Maltin, kif ukoll biex il-poplu jsir aktar konxju mill-ħtieġa li jinżamm nadif wiċċ u qiegħ il-baħar.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li meta jsir tindif bħal dan minn għaqdiet volontarji u individwi qed jittellgħu minn qiegħ il-baħar kwantitajiet kbar ta' skart ta' kull tip, minn biċċiet ta' vetturi għal fliexken, laned u bottijiet. Qal li l-Gvern iqiegħed fuq ix-xtajtiet mijiet ta' kontenituri għar-rimi ta' l-iskart li jitbattlu b'mod regolari. Għalhekk ma setax jifhem għaliex daqshekk skart jintefa' fil-baħar fejn hu ta' periklu u anke jagħmel ħsara lill-ispeċi li jgħixu fl-ibħra.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech appella biex ix-xtut jinżammu ndaf. Hu qal li kien kundanabbli mhux li jsiru barbecues u attivitajiet oħra fuq ix-xtut, iżda li min jorganizzahom jhalli warajh kull tip ta' skart. Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien daqshekk ieħor kundanabbli li jintrema' skart fix-xtut meta l-Gvern qed jipprovdi servizz għad-disponiment ta' l-iskart.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-ibħra madwarna jitniġġsu minn skart li jintrema', kif ukoll minn żjut. Fakkar li kien hemm l-istrutturi meħtieġa sew fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, kif ukoll fi ħdan il-Ministeru ta' l-Intern biex nikkumbattu tniġġiż fl-ibħra minn żejt li jintefa' minn tankers li jkunu qegħdin ibaħħru barra l-gżejjer Maltin.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li tul l-aħħar snin il-Gvern wettaq ħidma kbira biex jelimina tniġġiż fl-ibħra mid-drenaġġ. Qal li bl-implimentazzjoni tal-Master Plan tad-Drenaġġ tqiegħdu mains ġodda tad-drenaġġ, inbnew pumping stations li ġew anke attrezzati b'generators ħalli meta ma jkunx hemm kurrent elettriku l-pumping stations jitħaddmu xorta. Il-Ministru għall-Ambjent qal li bħala riżultat ta' l-investiment qawwi li sar fis-sistema tad-drenaġġ diversi bajjiet popolari li għal bosta snin kienu mniġġsa seta' jsir l-għawm fihom. Fost dawn hemm il-bajjiet ta' Birżebbuġia, Marsascala u partijiet twal mix-Xatt ta' tas-Sliema u San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li llum il-poplu sar aktar konxju mill-kwalità tal-bahar li fih kien jgħum. Qal li dan kien sinjal pożittiv. Hu fakkar li d-Diviżjoni tas-Saħħa Pubblika kienet tieħu kampjuni ta' l-ilma baħar b'mod regolari darba fil-ġimgħa minn 96 lokalità fejn isir l-għawm. Mir-riżultati ta' dawn il-kampjuni ikun determinat mhux biss jekk post partikolari ikunx tajjeb għall-għawm, iżda wkoll kif ikun klassifikat il-post.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li meta jkun hemm xi żbroff tad-drenaġġ il-bajja tingħalaq mill-ewwel għall-għawm. Jittieħdu kampjuni mid-Diviżjoni tas-Saħħa Pubblika u jkun biss wara li jkun hemm tliet riżultati li juru li m'hemmx kontaminazzjoni li l-bajja tinfetaħ mill-ġdid għall-għawm.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kuntrarjament għal dak li qed jintqal f'xi sezzjonijiet tal-media l-baħar madwar il-gżejjer Maltin hu tajjeb għall-għawm daqs u aktar milli kien fl-aħħar snin. Qal li jrid jirrepeti li filwaqt li fl-1994 kien hemm 964 jum li matulhom siti għall-għawm ingħalqu minħabba tniġġiż, is-sena l-oħra ċ-ċifra niżlet għal 59 jum filwaqt li din is-sena kellna s'issa 52 jum li fihom siti ngħalqu għall-għawm. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan it-titjib kien riżultat ta' sistema ta' drenaġġ li qiegħda tiġi modernizzata u ta' ħidma immedjata li qed issir meta ikun hemm ħsarat fis-sistema. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-kwalità ta' l-ilma baħar għandha tkompli titjib meta fi żmien ftit tas-snin oħra d-drenaġġ kollu jissaffa qabel ma jintefa' fil-baħar.

Il-Ministru għall-Ambjent appella lil kulħadd biex iżomm indaf il-bajjiet fil-gżejjer Maltin. Francis Zammit Dimech tenna li fil-ħarsien ta' l-ibħra madwarna kulħadd irid jagħti sehmu u li kull ftit jgħin biex inkomplu ntejjbu l-kwalità ta' l-ilma baħar li fih ngħumu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow