Left arrow Go Back

DISKORS TA' L-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX, FL-OKKAŻJONI TAL-PREMJAZZJONI WAQT IL-WIRJA TAL-BIEDJA U SNAJJA' 2001, ORGANIZZATA MIS-SOĊJETA` AGRIKOLA, INDUSTRIJALI U KULTURALI TA' GĦAWDEX - ĠONNA PUBBLIĊI VILLA RUNDLE

pr1210
Date Icon 16/08/2001

Qiegħdin hawnhekk dalgħodu sabiex niċċelebraw festa, li mhux biss hija meqjusa bħala waħda importanti fl-istorja ta' pajjiżna, imma illi għalina lkoll miġbura hawn dalgħodu tista' tfisser iktar minn hekk. Għaliex propju f'dawn il-jumejn tal-festa ta' Santa Marija, is-Soċjeta` Agrikola, Industrijali u Kulturali t'Għawdex ta' kull sena ttella' l-Wirja tal-Biedja u Snajja' - l-akbar wirja ta' dan it-tip fil-gżejjer Maltin.

Din hija ukoll wirja li tant kibret li sabet postha fil-kalendarju ta' attivitajiet soċjali u kulturali t'Għawdex. Ta' kull sena hija mistennija bi ħġarha minn ħafna, tant li n-numru ta' viżitaturi qiegħed, kull ma jmur, dejjem jiżdied - fattur li huwa tassew inkoraġġanti għal gżiritna. Fil-fatt, il-Wirja mtella' s-sena li għaddiet irreġistrat l-għola numru ta' attendenza għal dawn l-aħħar ħames snin, kienu madwar 9,000 ruħ li attendew.

Li l-Biedja u s-Snajja', jew aħjar l-Agrikoltura hija pilastru ewlieni għall-ekonomija ta' gżiritna, ħadd ma jista' jiċħad. Huwa għalhekk illi l-Ministeru tiegħi jirrikonoxxi bis-sħiħ l-importanza ta' dan il-qasam u jfassal programmi intensivi ta' ħidma kontinwa matul is-sena sabiex l-istess settur ikun f'pożizzjoni aħjar li jwettaq ħidmietu.

Matul din l-aħħar sena fil-fatt saret ħidma fil-Pitkalija t'Għawdex fejn il-bitħa prinċipali ġiet miksija bit-tarmac u msaqqfa b'tinda apposta illi tilqa' kontra l-elementi, biex b'hekk jiġi ffaċilitat ix-xogħol ta' dawk kollha li jżuru l-Pitkalija t'Għawdex.

U kif semmejt il-Pitkalija ma nistax ma nirreferix għaż-żieda sostanzjali ta' bejgħ ta' prodotti agrikoli Għawdxin mill-Pitkalija, kemm ta' Għawdex kif ukoll ta' Malta. Ħarsa lejn l-istatistika fil-fatt turina illi matul dawn l-aħħar għaxar snin, jiġifieri mill-1990 sa' Diċembru tas-sena li għaddiet, il-bejgħ ta' prodotti agrikoli

Għawdxin mill-Pitkalija t'Għawdex żdied bi kważi 50%, minn ftit iktar minn Lm200,000 għal iktar minn Lm300,000, filwaqt illi dak mill-Pitkalija ta' Malta kważi irdoppja fl-istess perijodu, minn ftit iktar minn Lm650,000 għal kważi Lm1.3miljun. Dan huwa ċertament awgurju mill-isbaħ lis-settur agrikolu ta' Għawdex, settur illi l-Ministeru tiegħi jaħdem bis-sħiħ sabiex ikompli jsaħħu matul is-snin.

Marbut b'mod partikolari ma' dan is-settur insibu l-ġonna pubbliċi u nħawi oħra ta' gżiritna. Huwa impenn tal-Ministeru għal Għawdex illi nassiguraw Għawdex isbaħ u aħjar. Permezz tal-Fergħa ta' l-Agrikoltura, il-Gvern qed jagħmel sforz qawwi biex gżiritna tkompli tissebbaħ permezz ta' manutenzjoni kontinwa ta' ġonna pubbliċi u soft areas madwar Għawdex kif ukoll it-taħwil ġdid ta' siġar matul is-sena. Ta' min jgħid illi minn Settembru li għadda s'issa tħawlu total ta' 20,788 standard trees, siġar u pjanti oħra staġjonali.

Hawnhekk nixtieq minn qalbi nirringrazzja lid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li huwa grazzi għall-isforzi u l-interessi tiegħu li xogħol ta' taħwil, trobbija, kura u manutenzjoni jista' jsir.

Jiena nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja mhux biss lil kull min hu nvolut fis-setturi ta' l-agrikoltura u tal-bhejjem fi gżiritna għall-impenn u d-dedikazzjoni li dejjem juru f'ħidmiethom, imma anke lill-membri kollha tas-Soċjeta` Agrikola, Kulturali u Industrijali ta' Għawdex illi ta' kull sena jaħdmu bis-sħiħ sabiex wirja ta' din id-dimensjoni tkun tista' tittella'. Fl-aħħar nett, nixtieq lilkom ilkoll preżenti hawn dalgħodu, il-kumplament tal-festa t-tajba.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow