SEHEM IL-VOLONTARJAT FIL-HARSIEN TA' WIRT ARTNA
Meta kien qed jaghmel zjara fuq xoghlijiet ta' restawr li qed isir fil-Fortizza tar-Rinella, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li kien ta' pjaċir għalih li jżur xogħol ta' restawr li qed isir mill-għaqda volontarja 'Fondazzjoni Wirt Artna'. Hu qal li anke jekk illum il-Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent qed jgħin fir-restawr li qed issir fil-Fortizza Rinella, dan mhux talli ma jnaqqas xejn mill-mertu tal-Fondazzjoni Wirt Artna, li bdiet il-ħidma tagħha f'din il-fortizza 10 snin ilu, iżda għal kuntrarju, jkattrilha l-mertu għaliex permezz ta' ħidmietha l-Fondazzjoni wasslet biex il-poplu jsir aktar konxju minn dan il-wirt.
Il-Ministru qal li l-fortifikazzjonijiet mibnija mill-Ingliżi huma parti mill-istorja ta' pajjiżna, kif huma dawk mibnija mill-Kavallieri ta' San Ġwann. Għalhekk dawn irridu nħarsuhom għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Hu qal li llum il-poplu sar ferm aktar konxju mill-wirt storiku ta' pajjiżna u għalhekk bir-raġun, li kiber l-interess fir-restawr. Il-Gvern, permezz tal-Proġetti għar-Riabiltazzjoni tal-belt Valletta, tal-Kottonera u l-Imdina, u permezz tal-Unit għar-Restawr, kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, qed jagħti sehmu biex jirrestawra monumenti storiċi, palazzi, knejjes, fortizzi u fortifikazzjonijiet. Hu qal li llum anke is-settur privat qed jagħti sehmu fil-ħidma ta' restawr kif ħareġ ferm ċar mill-proġett tal-Casinò di Venezia fejn il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni fi żmien l-Ordni ta' San Gwann kien restawrat b'investiment ta' madwar Lm5 miljuni, wara li tħalla għal bosta snin fi stat ta' abbandun.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern prezenti qed jinsisti li fejn tinghata art ghall-izvilupp li tkun tinkludi bini storiku, dan il-bini jigi restawrat a spejjeż ta' min ikun se jwettaq il-proġett. Hu qal li b'riżultat ta' dan se jkunu restawrati fortifikazzjonijiet, palazzi, bini antik u mħażen f'Manoel Island u l-Ponta ta' Tigne, fil-Kottonera u fix-Xatt tal-Belt fejn l-iżviluppaturi ntrabtu li jonfqu miljuni ta' liri f'restawr.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li mill-1991 l-Fondazzjoni Wirt Artna ħadet ħsieb tirriabilita, tirrestawra u tmexxi l-Forti Rinella. Qal li s'issa din il-Fondazzjoni nefqet 'l fuq minn Lm150,000 f'xogħol ta' restawr u riabilitazzjoni. Il-Ministru Francis Zammit Dimech feraħ lill-Fondazzjoni tax-xoghol li qed taghmel fejn bhalissa qed tkun restawrata l-faċċata tal-fortizza, qed isir il-pavimentar tal-bitħa bil-ġebla, qed jinbena mill-ġdid il-pont oriġinali, qed tiġi nstallata sistema ġdida ta' l-elettriku, qed jiġi riabilitat il-barrack block li se jinbidel f'mużew permanenti dwar il-ħajja ta' suldat ta' l-era Vittorjana, mir-reklutaġġ sakemm jiġi pensioned off. Qed isir ukoll il-waterproofing tas-soqfa. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Fondazzjoni qed tippjana wkoll li din is-sena taghmel il-landscaping ta' l-art madwar il-fortizza u li tiftah il-foss ghall-vizitaturi.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li minkejja li s-soqfa tal-fortizza nbnew b'tali mod li jirrezistu impatt dirett tal-bombi, matul il-gwerra zviluppaw xquq bhala rizultat ta' direct hits u near misses. Dawn ix-xquq zviluppaw fejn is-saqaf jistrieħ ma' hitan ta' strutturi u kmamar taħtu. Hu qal li peress li l-Forti Rinella kienet kważi abbandunata ma sarx xogħol ta' manutenzjoni bir-riżultat li l-ilma tax-xita daħal minn dawn ix-xquq u kkaġuna ħsara serja. Dan l-aħħar kwantitajiet ikbar ta' ilma bdew jidħlu fil-fortizza u wasslu anke biex xi kmamar jintlew bl-ilma matul ix-xitwa.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li wara talba mill-Fondazzjoni Wirt Artna lill-Ministeru għall-Ambjent biex jgħin tissewwa din il-ħsara, il-Unit għar-Restawr xi ftit tal-ġimgħat ilu beda ħidma ta' restawr fuq is-soqfa. Ix-xogħol jinkludi t-tneħħija ta' saff oħxon ta' materjal li kien iservi bħala cushion kontra bombi sparati minn biċċiet tal-gwerra lejn il-fortizza; tiswija ta' xquq fis-saqaf; l-applikazzjoni ta' waterproofing fuq is-saqaf oriġinali u t-tqegħid mill-ġdid tal-bombproof layer oriġinali. Hu ħabbar li dan ix-xogħol, li qed isir taħt id-direzzjoni tal-Perit Claude Borg mill-Unit għar-Restawr u mill-Perit Mark Azzopardi tal-Fondazzjoni Wirt Artna, mistenni jitlesta qabel l-aħħar ta' Settembru.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja mill-gdid lill-Fondazzjoni Wirt Artna u lill-Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent u awgura li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-għaqdiet volontarji u l-Gvern fil-ħidma li qed issir biex inħarsu l-wirt storiku u kulturali ta' pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN