STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT BI TWEGIBA GĦALL-KONFERENZA STAMPA MINN ŻEWĠ DEPUTATI TA' L-OPPOŻIZZJONI
Il-Ministeru għall-Ambjent jirreferi għal kummenti li saru waqt konferenza stampa li saret f' Wied il-Għajn mid-Deputati ta' l-Oppożizzjoni, il-Perit Charles Buhagiar u s-Sur Joe Mizzi.
Il-Ministeru jħoss li r-rimarki li saru kienu inġusti u anke 'l bogħod mill-verità.
Ø Hu assolutament mhux minnu li t-tniġġiż tal-baħar mid-drenaġġ dan is-sajf affetwa l-kosta kollha tal-gżejjer Maltin. Il-qagħda din is-sena hi aħjar minn tas-snin l-imgħoddija u dan jirriżulta minn kampjuni li jittieħdu b'mod regolari minn postijiet li huma tajbin għall-għawm mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Jirriżulta li filwaqt li fl-1994, qabel ma bdew jinħassu l-effetti tal-ħidma kbira li saret biex titranġa s-sistema tad-drenaġġ permezz tal-Master Plan, kien hemm 964 jum li fihom siti minn fejn jittieħdu kampjuni ta' l-ilma baħar ingħalqu għall-għawm. Is-sena l-oħra kien hemm biss 59 jum li fihom siti ingħalqu ghall-ghawm. Din is-sena ċ-ċifra hi s'issa ta' 48 ġurnata.
Ø Is-sistema tad-drenaġġ f'dawn l-aħħar 10 snin kienet immodernizzata b'tali mod li filwaqt li sa qabel l-1987 ftit kienu l-bajjiet popolari li fihom seta' jsir l-għawm għaliex kienu kollha imniġġsa mid-drenaġġ, illum il-bajjiet huma kollha tajbin għall-għawm tneħħi għal xi jiem li fihom ikun hemm xi ħsara fis-sistema tad-drenaġġ. L-uniċi postijiet li m'humiex tajbin għall-għawm huma l-bajjiet magħluqa fejn m'hemmx ċirkolazzjoni ta' l-ilma u fejn hemm id-dgħajjes, is-Salina u fejn hemm is-sewage outfalls. Il-bajjiet magħluqa qatt ma kienu tajbin għall-għawm.
Ø Din is-sena il-bajja ta' Marsascala kienet dejjem tajba għall-għawm u assolutament mhux veru li din tinsab imniggsa mid-drenaġġ.
Ø Il-progett ta' tisbih ta' Marsascala nbeda mill-Gvern preżenti qabel l-1996 meta ntefqu aktar minn Lm2 miljun biex inbidlet is-sistema tad-drenaġġ u sar il-promenade tul Triq ix-Xatt u tisbih mill-gdid tal-playing field fi Triq Mifsud Bonnici. Fl-1997 ma sar ebda xogħol ta' tisbiħ f'din il-lokalità. Fl-1998 intefqu Lm562,000 f'tisbiħ filwaqt li bejn l-1999 u l-2000 intefqu Lm542,000 oħra għall-istess lokalità. Il-Gvern qed jaħseb li jkompli l-aħħar parti tal-promenade fi Triq San Ġużepp, se jlesti ir-restawr tat-torri ta' San Tumas u r-rikostruzzjoni tar-ridott ta' l-istess torri. Se jsir ukoll it-tisbiħ tal-bajja ta' San Tumas.
Ø Hu assolutament mhux minnu li l-infrastruttura tal-pajjiż tinsab maħkuma minn abbandun kbir. L-infrastruttura ngħatat l-akbar spinta bejn l-1987 u l-1996 meta kienu investiti Lm323 miljun għall-ilma, elettriku, telekomunikazzjoni, toroq, drenaġġ u ajruport ġdid. Dan l-investiment wassal biex il-pajjiż għandu enerġija biżżejjed għall-ħtiġiet tiegħu, ilma biżżejjed u ta' kwalità tajba, sistema ta' telekomunikazzjoni kompletament digitali, sistema tad-drenaġġ li kienet modernizzata, toroq ewlenin moderni u ajruport ġdid. F'dawn l-aħħar sentejn il-Gvern kompla jibni fuq dak li wettaq bejn l-1987 u l-1996 bir-riżultat li ebda parti mill-infrastruttura tal-pajjiż ma hi fl-istat ħażin li kienet fih qabel l-1987.
Ø Il-qagħda ta' l-indafa fil-pajjiż qatt ma hi tajba biżżejjed għaliex tibqa' dik il-minoranza li tarmi kulma jkollha barra fit-toroq. Minkejja kollox it-toroq ewlenin qatt ma kienu ndaf daqs illum. Fl-istess waqt qed isir minn kollox biex jitnaddfu roqgħat ta' skart li jinbtu minn żmien għall-ieħor fid-diversi inħawi tal-pajjiż.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN