Left arrow Mur Lura

DISKORS TA' L-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GHAT-TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI, WAQT IS-SEMINAR "THE PORTS IN MALTA: TOWARDS A NATIONAL PORTS POLICY" - 26 TA' LULJU 2001

pr1126
Date Icon 26/07/2001

Eċċellenza

Kollega Ministru

Sinjuri


Waqt li nirringrazzjakom għal fatt li lqajtu din l-istedina, nieħu l-opportunita' sabiex nesprimi s-sodisfazzjon tagħna għall-interess li ċertament l-kommunita' portwarja qegħdha turi f'dan l-iżvilupp li qed jiġi propost.

Is-suġġett ta' dan is-"seminar" jitkellem għalihĠ Il-Portijiet f'Malta - Lejn Politika Nazzjonali għall-Portijiet.

Matul dawn l-aħħar snin l-Awtorita' Marittima kkummissjonat diversi studji dwar il-Port il-Kbir. Kien proprju madwar sentejn ilu li f'din l-istess sala ingħata bidu għall- Port of Valletta Strategic Development Plan meta kien ġie spjegat l-iskop ta' dan l-istudju u ttieħdu inkonsiderazzjoni id-diversi opinijonijiet tal-membri tal-industrija portwarja.

L-istudju bl-akbar mod ċar u assertiv jiddentifika potenzjal kummerċjali konsiderevoli partikularment għal tip ta' trasbord specjalizzat fir-rigward tal-Port il-Kbir. Biss l-istudju jenfasizza li dan it-tip ta' xogħol ma jistax jiġi attirat qabel ma l-istess port jkun żviluppa prodott sħiħ li jista' jinbiegħ lill-klijenti preżenti u prospettivi. Dan il-pakkett jenħtieġ ikun wieħed kemm jista' jkun sempliċi, bi strutturi ta' organiżazzjoni ta' xogħol lineari mingħajr kumplessita' żejda, b'sistema ta' tariffi integrata u li jkun negozjabbli. Din hija l-istruttura organizzattiva li titħaddem fil-Port Ħieles u huwa propju dovut għal din it-tip ta' organiżazzjoni valida li l-port ħieles llum igawdi suċċess tant li huwa meqjus fost portijiet ewlenin għat-trasbord ta' "containers" fil-Mediterran.

Il-konsulenti huma konvinti li la darba din l-istruttura tħaddmet b'suċċess ċertament li dan l-eżerċizzju jista' jiġi estiż ukoll għal Port il-Kbir din id-darba f'qafas wiesa leġislattiv li joffri serħan il-moħħ għal min qed imexxi, għal min qed jipprovdi s-servizzi kif ukoll għall-istess klijenti tal-portijiet Maltin.

L-istudju jikkummenta wkoll dwar il-fatt li meta wieħed iqis il-viċinanza taż-żewġ portijiet ewlenin 'd-diversi entitajiet joffru servizzi fiż-żewġ portijiet li ftit li xejn jikkumplimentaw lil xulxin. Dan huwa spjegabbli llum il-għaliex lkoll aħna konxji mid-diversita' li teżizti fl-organiżazzjoni tax-xogħol fil-portijiet; fost ħwejjeġ oħra din id-diversita' twassal għal sistema ta' tariffi li tillimita l-kompetittivita' tal-Port il-Kbir. Wieħed jittama li biż-żmien din id-diversita', li lkoll nafu mhix mixtieqa u mhux ta' benefiċċju għal ħadd, tiġi possibbilment eliminta.

Ta' min isemmi li dan ir-rapport ġie diskuss mill-Kabinett tal-Ministri u hekk illum qed jingħata bidu sabiex jiġi ntrodott u sussegwentement tinfetaħ diskussjoni dwar pjan ta' implimentazzjoni.

Nixtieq ngħid li ser jitwaqqaf mill-ġdid il-Kumitat Konsultattiv ta' min juża l-Portijiet.

Min meta ġie mitmum dan l-istudju saru studji dwar l-impatt fuq l-istess portijiet ta' l-addozzjoni ta' l-acquis communautaire meta Malta tissieħeb fil-Komunita' Ewropeja.

Ta' min jgħid li dan l-istudju li ċertament kellkom l-opportunita' taqraw, huwa wieħed pjuttost pożittiv. Certament dan l-istudju jisħaq fuq il-htieġa ta' trasparenza fil-modi ta' kif jingħataw is-servizzi, fuq il-ħtieġa li s-servizzi li jingħataw jkunu dawk mitluba mill-klijent mingħajr abbuż tal-monopolju li jista' neċessarjament jeżisti minħaba fatturi bħal suq limitat. Tissemma wkoll fil-ħtieġa li kull min huwa nteressat li joffri servizzi ma jkunx żvantaġġjat, fuq il-ħtieġa ta' aktar infurzar ta' regoli dwar il-ħarsien tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u dwar il-bżonn li jiġu ntrodotti sistemi ta' taħrig adegwat.

Ir-rapport jirrakkomanda illi waqt li l-Unjoni Ewropeja tinkoraġġixxi parteċipazzjoni akbar mill-privat fl-operat tal-portijiet, dan ma jbarrix awtorita' portwarja milli hija stess toffri servizzi portwarji sakemm dan iseħħ taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-privat.

Ir-rapport jirrakkomanda li f'dan il-qafas l-awtorita' sabiex tirregola b'mod effettiv l-operat tal-port in ġenerali, tippjana l-iżvilupp tal-portijiet skond il-politika nazzjonali u flimkien mal-membri tal-industrija portwali tassisti sabiex jiġu żviluppati l-infrastrutturi fil-portijiet u jiġi faċilitat ix-xogħol. L-awtorita' tkun ukoll responsabbli sabiex għal promozzjoni tal-faċilitajiet marittimi fil-portijiet Maltin.

F'dan il-kuntest ir-rapport jirrakkomanda li għandha tiġi żviluppata u introdotta politika nazzjonali komuni għall-portijiet.

Xorta ta' politika nazzjonali dwar il-portijiet tkun mistennija li tinkorpora pjan fit-tul li jikkunsidra l-identifikazzjoni ta' attivita' portwarja speċjalizzata meħtieġa f'ambitu nazzjonali. Din il-politika għandha tintroduċi strutturi leġislattivi, kumplimentati fejn meħtieġ b'kuntratti ta' servizzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' kif jiġi pprovdut u mħaddem l-operat tal-portijiet fuq skala nazzjonali bil-għan li tiġi ntrodotta kompetizzjoni ħielsa u ugwali fost il-portijiet.

Din il-politika għandha toffri qafas ta' strutturi finanzjarji, fejn l-awtorita' involuta tiffinanzja lilha nnfisha u topera b'mod awtonomu skond il-politika nazzjonali dwar il-portijiet. L-awtorita' portwarja, kif imsemmi fil-Pjan Nazzjonali għall-adozzjoni tal-"acquis", għandha tkun waħda b'responsabbilita' ta' regolatur u tkun ukoll "landlord authority" bis-setgħat li tagħti konċessjonijiet ta' art fil-port b'mod trasparenti lill-privat skond id-direzzjoni u politika tal-Gvern għall-portijiet.

Din il-politika nazzjonali għandha wkoll twassal għal definizzjoni ċara dwar kif iseħħ reklutaġġ f'istituzzjonijiet regolati u mħaddma mill-awtorita' u jiġu stabbiliti kriterji li jinfurzaw it-tħaris ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol u taħriġ.

Aħna lkoll nafu il-portijiet għandhom rwol primarju fl-ekonomija tal-pajjiż. Matul is-snin il-portijiet ġew żviluppati b'mod li mhux biss baqgħu jipprovdu servizzi għall-importatur jew esportatur iżda seħħilhom jattiraw xogħol ġdid ta' trasbord flimkien ma attivita' b'valur miżjud li mhux biss ġġenerat dħul ta' munita barranija iżda wkoll wasslet għal opportunitajiet ta' xogħol għal mijiet ta' Maltin.

Fost dawn l-attivitajiet, biżżejjed wieħed isemmi il-Port Ħieles, l-industrija tal-cruise liners u l-"bunkering".

Dak li jinħtieġ jiġi diskuss llum b'mod miftuħ huwa jekk in vista ta' kompetizzjoni ħarxa fost il-portijiet fil-Mediterran il-livell ta' kompetittivita' tal-portijiet Maltin tistax tkompli tkun sostenuta fis-snin li ġejjin. Din id-diskussjoni għandha ssir b'mod li l-ħaddiema, l-operaturi u l-membri tal-kummunita' portwarja flimkien mal-klijenti lkoll jibbenefikaw minn dan l-eżerċizzju. Huwa tabilħaqq importanti li kull min huwa involut fl-attivita' portwarja jirrejalizza li ma għadx baqa' żmien għal dibattitu jekk hemmx lok li jseħħ it-tiġdid neċessarju fil-portijiet llum. Certament iżda li dan l-eżerċizzju għandu jkun suġġett ta' diskussjoni dwar id-dettal tal-implimentazzjoni ta' pjan strateġiku.

Ilkoll konxji mill-fatt li llum il-portijiet fil-Mediterran għaddejjin minn perjodu ta' rinaxximent ġdid. In-numru ta' vapuri li qed jieqfu fil-portijiet tal-Mediterran kif wkoll dawk li jgħaddu mill-istess baħar Mediterran mistenni jiżdied b'rata ta' b'aktar minn 20 fil-mija fis-snin li ġejjin. Jeżistu opportunitajiet għall-użu tal-portijiet Mediterraneji bħala "hubs" ta' trasbord lejn l-Ewropa ta' fuq, l-Afrika tal-punent u l-Afrika ta' fuq. Dan it-tbassir huwa msejjes fid-dawl ta' l-iżvilupp relatat mal-globaliżazzjoni, fiz-żieda ta' attivita' kummerċjali bejn l-Ewropa u l-Lvant imbiegħed u l-iżvilupp ta' ekonomiji emerġenti fl-Ewropa tal-lvant.

Bosta portijiet fil-Mediterran li ġeddew l-istrutturi fil-portijiet tagħhom bil-ħsieb li jsaħħu l-kompetittivita' tagħhom llum diġa qed igawdu minn dan l-iżvilupp. Insemmu biss pajjiżi bħal Spanja, l-Italja u l-Greċja. Pajjiżna ċertament li ma jistax jibqa lura u milli jisfrutta l-potenżjal sħiħ w inerenti taż-żewġ portijiet - potenzjal li huwa primarjament dovut għal pożizzjoni ġeografika tal-pajjiż u għall-kapaċita' tal-ħaddiem Malti li jaddatta ruħu għall-isfidi ġodda.

Min-naħa tagħha l-Amministrazzjoni preżenti hija ta' l-opinjoni li:

a) għandha tissaħħaħ l-istruttura leġislattiva li tirrigwarda il-portijiet sabiex l-Awtorita' Marittima tingħata rwol ta' awtorita' "landlord" b'poteri u obbligi ċari li jiffaċilitaw id-doveri tagħha sabiex tiżviluppa l-portijiet u bħala regolatur effettiv;

b) jiġu ddikjarati bħala nħawi portwali fil-Port il-Kbir dawk l-inħawi li huma meqjusa neċessarji għal żvilupp sostenibbli ta' port kummerċjali - fl-istess ħin

c) qed jiġi meqjus kif inħawi qrib il-port li sal-lum mhumiex żviluppati jiġu riżervati għal-ħtiġijiet tal-port;

d) jingħata bidu konkret għal reviżjoni gradwali tas-sistema leġislattiva portwarja bil-għan li l-provvedimenti leġislattivi neċessarji jkun konformi mal-ħtigijiet ta' portijiet moderni, jirriflettu aħjar ir-realtajiet tal-industrija u jipprovdu għal strutturi ta' organiżazzjoni tal-operat fil-portijiet li jkunu aktar prattiċi u flessibli u li jiffaċilitaw il-kompetittivita' tal-portijiet tagħna.

Certament dan kollu jista' jiġi promoss billi l-Awtorita' Marittima, bħala l-aġenzija governattiva bi speċjalizzazzjoni f'dan il-qasam, tieħu r-rwol ta' katalista fl-introduzzjoni gradwali tat-tibdiliet meħtieġa. Iżda lkoll konxji li dan kollu ma jistax iseħħ jekk mhux bil-ko-operazzjoni ta' kull min huwa nvolut fil-oqsma varji ta' attivitajiet fil-portijiet.

Nittama li f'dawn il-jumejn ikollna l-opportunita' li nanalizzaw il-konklużjonijiet tal-istudju dwar il-portijiet, nifhmu aħjar x'jinħtieġ jiġi rivedut, jekk dan huwa l-każ skond il-pjan ta' mplimentazzjoni li qed jiġi propost bħala bażi ta' diskussjoni. Jinħtieġ li jiġu miftiehma l-istrutturi li hemm bżonn jitwaqqfu sabiex b'mod ko-ordinat jingħata bidu għal diskussjoni li trid twassal għall-pjan ta' azzjoni finali u komprensiva. Irridu fl-iqsar żmien possibli niftiehmu termini ta' żmien ċari li fihom jrid jiġi milħuq ftiehim aħħari.

Issa li l-għodod jinsabu għad-dispożizzjoni tagħna m'huwa fl-interess ta' ħadd li nibqgħu nipposponu l-attwazzjoni ta' dawn l-inizzjattivi li naqblu li huma fl-interess ta' kulħadd.

Nagħlaq billi nesprimi għal darba oħra s-sodisfazzjon tiegħi għall-interess li wrejtu f'dan is-seminar u nawgura li jingħata bidu fl-iqsar żmien possibbli għal djalogu sostenut li għandu jwassal għal reviżjoni ta' l-istrutturi stituzzjonali fil-portijiet Maltin.

Jien għandi fiduċja li wara li jintlaħaq kunsess fuq il-prinċipji u l-kunċetti, b'diskussjoni sħiħa mad-diversi partijiet jintlaħaq ftehim ukoll fuq it-tibdil li għandu jiġi ntrodott.

Nieħu l-opportunita' sabiex nirringrazzja lil kull min kkontribwixxa għal konkluzjoni ta' dan l-istudju b'mod partikulari l-Awtorita' Marrittima li kienet strumentali sabiex ta' l-anqas llum wasalna f'pożizzjoni li nagħtu bidu għal djalogu.

Grazzi ħafna

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow