HIDMA QAWWIJA TA' XOGĦOL TA' RESTAWR FIL-BELT VALLETTA
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li mill-1987 'l hawn ingħatat spinta qawwija lil xogħol ta' restawr fil-belt kapitali ta' pajjiżna. Qal li xogħlijiet ewlenin kienu dawk tal-Kavallier ta' San Gakbu, il-Kon Katidral ta' San Ġwann, iċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran, il-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia u l-Berġa ta' l-Italia.
Il-Ministru qal li fuq dan ix-xogħol intefqu s'issa madwar Lm12-il miljun. Qal li minn dawn il-flus Lm4 miljun marru għal xogħol ta' restawr fil-Kavallier ta' San Ġakbu, Lm2.9 miljun għal xogħol fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, aktar minn miljun lira għar-restawr tal-Berga ta' l-Italja u l-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia u qrib il-Lm4 miljun f'xogħlijiet li saru mill-Kumitiat għar-Riabiltazzjoni tal-Belt Valletta. Il-Ministru għall-Ambjent qal li minbarra dan l-investiment li sar mill-Gvern kien hemm investiment qawwi f'restawr ta' palazzi u bini ieħor mis-settur privat.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan il-Kumitat, fiż-żmien li ilu mwaqqaf, wettaq xogħol importanti ta' restawr fil-Konkatidral ta' San Gwann, f'diversi mill-knejjes li hemm fil-Belt, f'palazzi, bereġ, bini pubbliku, ġonna u toroq. Il-Kumitat ħa ħsieb ukoll il-floodlighting tas-swar tal-Belt, xogħol ta' pavimentar bil-porfido u diversi xogħlijiet oħra.
Francis Zammit Dimech qal li l-proġett ta' titjib ta' Misraħ l-Assedju l-Kbir kien kontinwazzjoni tal-proġett ta' Triq ir-Repubblika. Proġett li kien jifforma parti minn titjib ta' l-inħawi pedestrianised kollha tal-kapitali Maltija.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li kien stmat li dan il-proġett se jiswa Lm50,000. Id-disinn tal-proġett sar mill-Perit Claude Borg, filwaqt li x-xogħlijiet qed ikunu eseġwiti mill-kuntattur Farstone Ltd.
Il-Ministru Franċis Zammit Dimech qal li permezz ta' dan il-proġett kien qed isir titjib f'din il-pjazza importanti li qed tinkesa b'paviment tip porfido u travertino. Qal li kien irrestawrat ukoll t-taraġ mibni bil-ġebel tal-qawwi u kienet se tiġi installata sistema ġdida ta' elettriku li taqbel ma' dik ta' Triq ir-Repubblika b'enfazi fuq il-faċċata tal-ġenb tal-Konkatidral ta' San Ġwann.
Il-Ministru qal li dan il-proġett ġibed daqsxejn fit-tul minħabba problemi li nqalgħu sew dwar is-siġar li hemm fil-pjazza kif ukoll dwar fdalijiet ta' funtana li nstabu meta kien qed ikun skavat il-post biex isir ix-xogħol. Il-funtana kienet fil-post qabel ma nbena l-monument ta' Assedju fis-snin għoxrin. Hu qal li minħabba dawn il-problemi kellhom jsiru diżinji ġodda biex ma ssirx ħsara lill-fdalijiet.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bħalissa qed isiru diversi proġetti ta' restawr mhux biss fil-Belt iżda ma' kull parti ta' Malta. Qal li dawn il-proġetti juru li mhux biss il-Gvern qed jaħdem biex nħarsu l-wirt storiku li ħallewlna ta' qabilna iżda li l-poplu qed isir dejjem aktar konxju mill-istorja ta' pajjiżna li hi riflessa f'dak kollu li hemm fil-bliet u l-irħula tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN