Siltiet minn diskors li l-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech għamel meta ppreżenta ċertifikati u premjijiet fil-kompetizzjoni nazzjonali "Hallini Hieles" u lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni "Xummiemu" tal-magazin Sagħtar
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li ma xtaqx jgħabbi moħħ iż-żgħar tagħna bi problemi li jkun aħjar li jifhmuhom il-kbar biex isolvuhom. Iżda stqarr li tajjeb li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jibdew jifhmu minn kmieni xi jfisser li żżomm pajjiż nadif u li tiddisponi tajjeb mill-iskart.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li pajjiżna hu wieħed mill-ftit, fejn għandna servizzi għall-ġbir ta' l-iskart domestiku, għall-ġbir ta' skart goff u għal tindif tat-toroq b'xejn. Qal meta ngħidu b'xejn ifisser li l-pubbliku mhux iħallas direttament għal dawn is-servizzi, iżda xorta jkun qed iħallas b'mod indirett mit-taxxi. Għalhekk anke jekk dan is-servizz ma nħallsux għalih, aktar ma niġġeneraw skart, li jinġabar u niddisponu minnu fl-impjant ta' Sant'Antnin jew fil-Magħtab, akbar tkun l-ispiża għal kulħadd.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li minn ckunithom, jenħtieġ li kulħadd jitgħallem li anqas ma nipproduċu skart u aktar ma nirriċċiklaw mill-iskart li nipproduċu inqas tkun il-problema għad-disponiment ta' dan l-istess skart. Hu qal li f'kull strateġija għall-imminaġġjar ta' l-iskart insibu t-3Rs - it-tliet miri ewlenin tar-riduzzjoni ta' l-iskart, l-użu mill-ġdid ta' dak li jista' jintuża u r-riċiklaġġ. Hu qal li jekk kulħadd jipprattika dawn it-tliet prinċipji allura jkun hemm inqas skart x'jinġabar u inqas skart li nkunu rridu niddisponu minnu. Jekk imbagħad nirriċiklaw aktar skart allura mhux biss inkunu qed inaqqsu mill-volum ta' l-iskart iżda nkunu qed nutilizzaw parti minnu li jista' wkoll iħalli ċertu dħul għall-pajjiż.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li punt ieħor li xtaq li jitkellem dwaru hu dak ta' l-indafa.
Qal li għad baqa' ħafna x'isir biex inkunu nistgħu niftaħru li għandna pajjiż nadif. Fakkar li l-Gvern kien qed jagħmel minn kollox biex ma jkunx hawn ħmieġ fit-toroq u fil-kampanja. Qal li t-toroq fil-bliet u l-irħula jitnaddfu mill-Kunsilli Lokali minn fondi li jgħaddilhom il-Gvern.
It-toroq ewlenin jitnaddfu mill-Ministeru tat-Trasport taħt is-supervizjoni ta' ħaddiema mill-Unit għall-Ambjent Nadif fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjernt. Il-Ministeru għall-Agrikoltura jnaddaf centre strips, roundabouts u ġonna. Il-Unit għall-Ambjent Nadif inaddaf toroq, swieq, it-terminus barra Bieb il-Belt, widien u kampanja. Qal li hemm xibka sħiħa ta' tindif. Iżda minkejja dan kollu xorta għad għandna minoranza ta' nies li jarmu kulma jkollhom barra.
Il-Ministru qal li kultant tistħi tgħaddi minn ħdejn traffic lights fejn tara kull tip ta' fliexken tal-birra u soft drinks, bottijiet, boroż u biċċiet ta' sigaretti. Staqsa x'kien jiġri li kieku dawn l-inħawi ma jitnaddfux? Iżda, reġa' staqsa, x'diffikulta' jsib min jitfa' dawn l-affarijiet barra, li jżommhom fil-karrozza u mbagħad jiddisponi minnhom meta jasal id-dar? Hu appella lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna biex ikunu gwardjani ta' l-indafa billi mhux biss jidraw minn żgħar ma jarmu xejn barra huma, iżda jiġbdu wkoll l-attenzjoni tal-kbar meta jarawhom jarmu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech tkellem ukoll dwar l-inizjattiva "Hallini Hieles". Qal li l-ambjent minbarra l-arja, l-ilma u l-iskart hu ukoll in-natura madwarna. Qal li f'pajjiżna la għandna foresti u anqas xmajjar iżda għandna widien, għoljiet u msagar. Għandna kampanja mill-isbaħ. Hu sahaq li dak li ghandna rridu nħarsuh mhux biss għalina iżda biex ngħadduh aħjar lil ta' warajna.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li kien għalhekk li inizjattivi bħal dik li qed tieħu l-ECO biex it-tfal isiru aktar konxji li m'għandhomx jaqbdu żrinġijiet u mriezep kienu ta' min ifaħħarhom. Hu qal li dawn l-ispeċi kienu mħarsa bil-liġi. Fakkar li ż-żrinġ kien l-uniku amfibju li jinsab fil-gżejjer Maltin. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan l-ispeċi hu mħares bil-liġi fuq skala internazzjonali fost l-oħrajn bid-Direttiva ta' l-Unjoni Ewropea 92/43/EEC dwar il-ħarsien ta' l-ambjent naturali u tal-flora u fawna selvaġġa. Kien ukoll imħares mill-Ftehim ta' Berna. F'Malta ż-żrinġ hu mħares permezz tar-Regolamenti dwar il-ħarsien tal-fawna u l-flora.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-inizjattiva tal-ECO kienet importanti għaliex tkabbar l-edukazzjoni ambjentali fost it-tfal. B'hekk ukoll ir-regolamenti dwar il-ħarsien ta' l-ispeci qed isiru aktar magħrufa u allura l-istess speċi ikunu mħarsin aħjar.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech ferah lir-rebbieħa għall-isforzi tagħhom biex jilħqu l-livelli mixtieqa. Feraħ ukoll lil min ipparteċipa. Hu appell lil kulħadd biex jagħti sehmu biex pajjiżna jinżamm nadif u biex inkomplu nħarsu l-wirt naturali tagħna. Qal li meta nżommu l-indafa u nindukraw dak li n-natura għanietna bih inkunu qed nikkontribwixxu bis-sħiħ biex l-ambjent fejn ngħixu ikun aħjar. U hekk kulħadd jgħix aktar f'saħħtu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN