IFFIRMAT FTEHIM DWAR L-INSTRUCTORS
Bi ftehim li kien iffirmat illum l-instructors reġgħu kisbu r-relattivita' ma' l-għalliema, u l-instructors b'warrant permanenti ingħataw drittijiet ġodda li jokkupaw ċerti pożizzjonijiet fl-iskejjel u fiċ-ċentru jekk jissodisfaw il-kwalifiki tal-post li għalih japplikaw. Il-ftehim ġie ffirmat, fil-preżenza tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni Dr. Louis Galea, bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, l-MUT (Malta Union of Teachers) u l-GWU (General Worker's Union). In-negozjati għan-naħa tal-Gvern mexxihom id-Direttur {enerali ta' l-Edukazzjoni s-Sur Charles Mizzi f'konsultazzjoni mad-Direttur Generali tal-MPO, is-Sur Joe Izzo
L-isfond tal-ftehim tal-lum imur lura għat-3 ta' Ottubru 1996 meta kien ġie ffirmat ftehim kollettiv bejn il-Gvern, il-GWU u l-MUT li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati fil-grad ta' instructors. Dan il-ftehim kien stabilixxa relattivita' bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-instructors u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati fil-grad ta' għalliema maqbula bejn il-Gvern u l-MUT nhar il-25 ta' Awwissu 1994.
Fis-7 ta' Frar 2001, kien intlaħaq ftehim bejn l-MUT u l-Gvern dwar titjib għall-ftehim kollettiv tal-għalliema, li b'riżultat tiegħu r-relattivita' li kienet stabbilita bejn il-grad ta' għalliem u ta' instructor fl-1996 kienet ġiet mibdula.
Il-ftehim li qiegħed isir illum bejn il-Gvern, il-GWU u l-MUT qed jerġa jistabilixxi r-relattivita' ta' l-instructors vis-a-vis l-għalliema. It-titjib li akkwistaw l-għalliema fis-7 ta' Frar 2001 qed ikun rifless ukoll fil-ftehim kollettiv ta' l-instructors.
Aktar minn hekk, instructors, li għandhom warrant permanenti qegħdin jingħataw id-dritt li japplikaw għall-postijiet bħal librara, guidance teachers u health and safety teachers fl-iskejjel kollha statali ġaladarba huma jkollhom il-kwalifiki meħtieġa biex japplikaw għall-post konċernat. Bl-istess mod, instructors li għandhom warrant permanenti qed ikunu kunsidrati eliġibbli għall-postijiet fiċ-~entru (bħal għalliema peripatetiċi, għalliema fiċ-~entru tal-Guidance, għalliema fiċ-~entru ta' l-eżamijiet, eċ`) ġaladarba jkollhom il-kwalifiki meħtieġa biex japplikaw għall-post konċernat.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tqis dan l-iżvilupp pass importanti ieħor li għad iwassal biex eventwalment tiġi stabbilita parita' bejn l-għalliema u instructors li jippossedu warrant permanenti fl-istrutturi kollha tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Il-Ministru Louis Galea irringrazzja lis-Sur Charles Mizzi u l-uffiċċjali għolja tal-MUT u l-GWU tal-ħidma tagħhom biex intlaħaq il-ftehim tal-lum. Il-Ministru Galea qal li l-għalliema ġodda li qed jiġu ingaġġati illum huma kollha għalliema kwalifikati mill-Universita'. Iżda fl-iskejjel hemm mijiet ta' instructors li jirriżulta biċ-ċar li qdew il-pajjiż bħala għalliema tajbin bi kwalifiki relevanti meta l-pajjiż ma kienx qed ikollu għalliema kwalifikati biżżejjed.
Barra min hekk, kompla l-Ministru, allaħares ma kienux l-instructors biex Malta seta' jkollha t-tagħlim u t-taħriġ tas-suġġetti tekniċi. Il-kwalifiki u l-esperjenza prattika ta' l-instructors kienu strumentali biex il-pajjiż seta' jibqa' jkollu ħaddiema mħarrġa u kwalifikati f'suġġetti tekniċi li mingħajrhom qatt ma seta' jseħ] l-iżvilupp meħtieġ f'kull settur ekonomiku u f'setturi oħra essenzjali bħal sptarijiet, power station, ilma eċ`.
Il-Ministru Louis Galea fisser li bħalissa qed jitwettqu riformi importanti biex l-edukazzjoni teknika u teknoloġika jitpoġġew fuq sisien sodi u jkollhom l-ogħla stima fil-pajjiż. Fil-fatt qed jitwettaq proċess biex fuq firxa ta' snin it-tfal u ż-żgħażagħ kollha f'kull skola jkollhom bħala suġġett bażiku l-Edukazzjoni tat-Teknoloġija. Fl-istess ħin se jibda jopera l-MCAST, Kulleġ[ Vokazzjonali ġdid li hu mistenni jiżviluppa f'organizzazjoni b'saħħitha u effettiva għat-tagħlim u t-taħriġ f'suġġetti tekniċi, tat-teknoloġija u vokazzjonali sa l-ogħla livell. F'dan kollu għandhom sehem importanti ħafna l-instructors.
Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li l-Gvern preżenti ilu li rrikonoxxa bil-fatti x-xogħol u l-istandards ta' l-instructors li illum qed jagħtu sehemhom biex ir-riformi jirnexxu għall-ġid tal-poplu Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN