Left arrow Go Back

PUBBLIKAT IL-PROSPEKTUS TAL-KULLEĠĠ IL-ĠDID, MCAST

pr1080
Date Icon 17/07/2001

Fl-1 ta' Ottubru li ġej l-MCAST, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, se jiftaħ il-bibien tiegħu biex jilqa' l-ewwel studenti. Il-Kulleġġ hu miftuħ għaż-żgħażagħ u l-kbar, nisa u rġiel. Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Dr Louis Galea, flimkien mal-President tal-Bord tal-Gvernaturi ta' l-MCAST, is-Sur Victor Scicluna, nidew l-ewwel Prospektus tal-Kulleġġ u introduċew il-Kapijiet ta' l-Istituti li ġew imwaqqfa s'issa fil-Kulleġġ. Fl-ewwel sena tiegħu l-Kulleġġ qed joffri 45 kors differenti - 11 minnhom korsijiet ġodda.

Fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru laqgħat ta' informazzjoni għall-istudenti interessati. L-applikazzjonijiet għad-dħul fil-kulleġġ jintlaqgħu fl-aħħar ġimgħa ta' Awissu.

F'dawn il-ġranet, l-istudenti kollha li temmew l-iskola sekondarja, kemm fi skejjel ta' l-Istat, tal-Knisja jew privati, qed jirċievu fid-dar tagħhom il-Prospektus tal-Kulleġġ li fih hemm indikati l-korsijiet li se joffru kull wieħed mis-sitt Istituti li ser jibdew jaħdmu, u l-kwalifiki meħtieġa biex student jew studenta jkunu aċċettati għal dawn il-korsijiet.

Dettalji ta' dawn il-korsijiet ingħataw mill-Ministru Louis Galea, f'Konferenza ta' l-Aħbarijiet li saret fil-campus tal-Kulleġġ f'Kordin. Fil-Konferenza ħadu sehem ukoll is-Segretarju Parlamentari l-Perit Jesmond Mugliett, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru is-Sur Paul Attard u l-Prinċipal tal-Kulleġġ is-Sur Frederick Fearne.

L-Istituti li ser jibdew joperaw huma:
L-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika
L-Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni
L-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni
L-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ
L-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn
L-Istitut ta' l-Istudji Marittimi


Il-Prospektus tal-Kulleġġ fih ukoll x'inhuma l-ħtiġiet għad-dħul f'kull kors, it-tul tal-kors u l-programm ta' l-istudji ta' kull kors.

Flimkien ma' dan il-Prospektus, l-istudenti qed jirċievu wkoll Formula ta' Applikazzjoni li permezz tagħha jistgħu jindikaw il-preferenza tagħhom għal tliet korsijiet offruti mill-Kulleġġ.

Fl-istess Konferenza Stampa kienu ntrodotti wkoll il-Kapijiet ta' ħames mis-sitt Istituti. Il-Kapijiet magħżula huma:

Juan Borg Manduca inħatar Kap ta' l-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni. John Sciberras hu l-Kap ta' l-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika. Yvonne Pulis hi l-Kap ta' l-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ. Dawn it-tliet Istituti se joperaw mill-campus prinċipali f'Kordin.

James Pearsal hu l-Kap ta' l-Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni li se jkun fin-Naxxar. Donald Friggieri hu l-Kap ta' l-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn li hu maħsub li jkun f'Targa Gap. Il-Kap ta' l-Istitut Marittimu, li se jopera f'Villa Portelli il-Kalkara, qiegħed fi proċess ta' għażla.

Ix-xahar id-dieħel, kull wieħed minn dawn l-Istituti se jorganizza laqgħat għal studenti prospettivi u l-ġenituri tagħhom. F'dawn il-laqgħat jingħata tagħrif dettaljat dwar l-Istitut partikolari u l-korsijiet li se joffri u kemm l-istudenti kif ukoll il-ġenturi jkunu jistgħu jiksbu t-tagħrif li jixtiequ qabel jagħmlu l-għażliet tagħhom.

Il-laqgħat għal studenti prospettivi u l-ġenituri tagħhom se jsiru fil-Campus tal-Kulleġġ, it-telgħa ta' Kordin, Paola, kif ġej:
Istitut ta' l-Arti u Disinn
Ø It-Tnejn, 20 ta' Awissu 2001 - 09:30 am
Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni
Ø It-Tnejn, 21 ta' Awissu 2001 - 09.30 am
Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni
Ø L-Erbgħa, 22 ta' Awissu 2001 - 09.30 am
Istitut tan-Negozju u Kummerċ
Ø Il-Ġimgħa, 24 ta' Awissu 2001 - 17.30 pm

Il-korsijiet kollha fil-Kulleġġ se jkunu miftuħa għal studenti kemm irġiel kif ukoll nisa. Dawk l-istudenti li għandhom bżonnijiet speċjali, wara li jagħżlu l-kors li jixtiequ jidħlu għalih, huma mitluba biex kemm jista' jkun kmieni, jiddiskutu l-ħtiġijiet partikolari tagħhom mal-Kap ta' l-Istitut rispettiv.

L-applikazzjonijiet għad-dħul fil-Kulleġġ se jintlaqgħu bejn nhar it-Tnejn 27 ta' Awissu u l-Ġimgħa 31 ta' Awissu bejn t-8.00 ta' filgħodu u t-8.00 ta' filgħaxija fil-campus ewlieni fit-telgħa ta' Kordin, Paola.

Hemm numru ta' korsijiet li l-Kulleġġ se jipprvodi wkoll fil-campus tiegħu f'Għawdex. Dawn huma ċ-Ċertifikati fl-Electronics Servicing, l-Ewwel Diploma fil-Computing, Ċertifikat f'Servizzi Bankarji u Finanzjarji, Ċertifikat fi Studji Amministrattivi u Segretarjali, u Ċertifikat ta' Accounting Technician.

Il-Prospektus jinkludi wkoll ktejjeb ta' informazzjoni dwar il-Kulleġġ li fost affarijiet oħra fih tagħrif dwar kif se ssir l-għażla ta' l-istudenti għall-korsijiet, skond il-preferenzi li jkunu indikaw fl-applikazzjoni tagħhom, meta n-numru ta' postijiet disponibbli f'kors ikunu limitati.

F'messaġġ lill-istudenti prospettivi u ġenituri l-Ministru Louis Galea fisser li l-MCAST għandu jiżviluppa f'opportunita' oħra ta' ġid għall-poplu Malti. Huwa qal li għaż-żgħażagħ l-MCAST ifisser għażla akbar u programmi biex jiksbu kwalifiki u ċertifikati li jiftħu aktar bibien ta' xogħol. Għall-adulti, nisa u rġiel, il-Kulleġġ ifisser ċans ieħor li jidħlu għal korsijiet li ma kellhomx ċans għalihom qabel jew li jiġu bżonnhom biex isibu xogħol. Il-Kulleġġ hu inċentiv ieħor għall-investiment f'pajjiżna li dejjem ifittex ħaddiema u professjonisti preparati.

Il-Ministru Galea sostna li l-Kulleġġ ser joffri lill-istudenti ħajja interessanti u ta' sfida. "Fil-Kulleġġ nitgħallmu, nitħarrġu, u naħdmu. Ser ninsistu wkoll li l-istudenti kollha jissieħbu f'inizjattivi kreattivi ta' kultura, arti, sport, skambji fl-Ewropa, ħidma fil-komunita' fost min hu fil-bżonn, animazzjoni spiritwali, u divertiment san.

Għalina int m'intix sempliċi student/a. Int persuna unika, bil-ħiliet, talenti, karattru, bżonnijiet partikolari tiegħek. Aħna rridu ngħinuk toħroġ mill-Kulleġġ bl-aħjar ċerifikati, bl-isbaħ memorji, u persuna aktar formata u kompleta.

L-aktar tliet kwalifiki importanti biex tidħol huma: a) qed tfittex futur; b) għandek ir-rieda li titgħallem; c) m'intix lest/a taħli ħin. Jekk b'serjeta' għandek dawn, taqta' qalbek xejn. B'dawn il-kwalifiki ngħinuk tasal fejn tixtieq," qal il-Ministru Louis Galea.

Il-Ministru fisser li l-Bord tal-Kulleġġ u l-Gvern qed jagħmlu ħilithom biex jegħlbu u jtaffu d-diffikultajiet li bilfors jinqalgħu meta twelled Kulleġġ li jirrikjedi numru ta' snin biex tlestih. Iżda l-bidu jrid ikun.

Il-Kulleġ[ MCAST hu pass ieħor lejn it-twettiq ta' riforma sħiħa fl-edukazzjoni. Il-mira hi li npoġġu l-edukazzjoni teknoloġika u vokazzjonali fuq sisien sodi u miftuħa għal kulħadd. B'hekk il-Gvern qed iwettaq wegħda oħra importanti mill-programm tiegħu u jkompli jinvesti fil-ġejjieni ta' uliedna.

Aktar 'l quddiem l-Amministrazzjoni ta' l-MCAST mistennija tħabbar ukoll il-bidu ta' korsijiet ta' fil-għaxija. Dan barra li fil-jiem li ġejjin, l-istudenti ser jirċievu wkoll il-Prospektus ta' korsijiet oħra offruti mid-Dipartiment ta' l-iStudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fl-oqsma l-oħra ta' studju u taħriġ li s'issa ma jaqgħux fi ħdan il-Kulleġġ. Dawn se jitħabbru f'konferenza stampa separata fil-jiem li ġejjin.

Hu awgura suċċess lill-Kulleġġ u lill-istudenti li se jibdew jattendu fih u esprima

l-fiduċja tiegħu li taħt id-direzzjoni tal-Kapijiet ta' l-Istituti u bil-kontribut ta' l-għalliema, l-istudenti Maltin ikunu jistgħu jaspiraw għal futur aħjar.

Il-korsijiet li ser jiġu organizzati fi ħdan il-Kulleġġ huma:

L-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika se joffri tliet korsijiet li huma Ċertifikat fl-Electronics Servicing, Kors fit-Telekomunikazzjoni u l-Inġinerija Elettronika u Ċertifikat ta' Tekniku fl-Elettronika Industrjali.

L-Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni se joffri 12-il kors differenti li jinkludu: Ċertifikat ta' Naġġar, Ċertifikat ta' Bennej, Ċertifikat f'Inġinerija tal-Bini, Ċertifikat f'Inġinerija f'Sistemi ta' Pajpijiet, Ċertifikat f'Inġinerija fil-Welding, Ċertifikat fix-Xogħol ta' l-Injam, Ċertifikat fit-Tqegħid tal-Madum u t-Tikħil, Ċertifikat ta' Riffied (Basic Heritage Skills), Ċertifikat ta' Sewwej (Heritage Skills Craftsman), Ċertifikat ta' Mastru fir-Restawr tal-Ġebel, Kors ta' Tekniku fid-Draughtsmanship u s-Surveying u Kors ta' Tekniku fil-Kontroll tas-Sħana, fil-Ventilazzjoni u l-Arja Kundizzjonata.

L-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni se joffri tliet korsijiet li huma l-MCAST Foundation Programme in Computing, l-Ewwel Diploma fil-Computing u Diploma fil-Computing.

L-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ se joffri tmien korsijiet. Dawn jinkludu: Ċertifikat f'Servizzi Bankarji u Finanzjarji, Ċertifikat fl-Istudji Amministrattivi u Segretarjali, Ċertifikat fin-Negozju tal-Bejgħ bl-Imnut, Ċertifikat fl-Istudji dwar l-Assikurazzjoni, Ċertifikat fl-Istudji tas-Swieq, Ċertifikat fin-Negozju, Ċertifikat ta' Accounting Technician u Kors għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola.

L-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn se joffri varjeta' ta' 13-il kors li huma: Ċertifikat fiċ-Ċeramika, Ċertifikat fil-Moda u l-Ilbies, Ċertifikat fil-Ġojjellerija u Xogħol tal-Fidda, Ċertifikat fix-Xogħol tal-Metall, Ċertifikat fil-Plastika, Ċertifikat fl-Istampar, Ċertifikat fix-Xogħol tal-Ħġieġ, Ċertifikat fl-Iskultura fil-Ġebel u Ċertifikat fl-Iskultura fl-Injam. Se joffri wkoll korsijiet ta' Diploma fil-Moda u l-Ilbies, Diploma fil-Graphic Design, Diploma fl-Interior Design u Diploma fid-Disinn Industrjali.

L-Istitut ta' l-Istudji Marittimi se joffri sitt korsijiet differenti li huma: Kors għal Uffiċjal Inkarigat min-Navigational Watch, Uffiċjal Inkarigat mill-Engineering Watch, Kors ta' Chief Mate, Second Engineer, Master Mariner u Chief Engineer

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow