XOGĦLIJIET ĠODDA TA' TISBIĦ GĦAS-SENA 2002
Siltiet minn diskors li l-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech għamel meta żar it-tieni fażi tal-proġett ta' tisbiħ tal-promenade f'Tas-Sliema
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech ħabbar li wara li din is-sena sar xogħol ta' tisbiħ fuq it-tieni fażi tal-proġett tal-promenade ta' Tas-Sliema u fuq l-ewwel fażi tal-proġett tal-promenade ta' San Ġiljan, is-sena d-dieħla se jsir xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett tal-promenade ta' San Ġiljan, se jsir it-tisbiħ tal-bajja ta' San Tumas limiti ta' Marsascala, se titkompla l-aħħar parti tal-promenade fi Triq San Gużepp, Marsascala, se jitlesta ir-restawr tat-Torri ta' San Tumas u r-rikostruzzjoni tar-ridott ta' l-istess torri f'Marsascala, se titlesta t-triq fuq ix-xatt bejn il-Qajjenza f'Birżebbuġa u Marsaxlokk filwaqt li se jinbeda x-xogħol ta' tisbiħ fil-bajja tax-Xagħjra.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-tisbiħ tal-bajjiet ta' pajjiżna qed jingħata importanza kbira tant li kull sena qed ikun hemm vot apposta għal proġetti bħal dawn. Qal li sal-lum twettqu proġetti f'Marsascala, Marsaxlokk u Birżebbuġa, Bugibba u l-Qawra, Sliema u San Ġiljan, Għar Lapsi u l-Ġnejna. Hu fakkar li dawn il-proġetti, li s'issa swew qrib it-Lm8 miljun, trid issirilhom il-manutenzjoni kollha meħtieġa għaliex inkella l-investiment li qed isir jispiċċa fix-xejn. Qal li kien għalhekk li aktar kmieni din is-sena l-Ministeru għall-Ambjent nieda programm ta' manutenzjoni permezz ta' unit apposta li qed jiehu hsieb xoghlijiet ta' tiswija ta' ghamara fil-promenades, żebgħa ta' railings, bollards, arbli dekorattivi tad-dawl u xogħol ieħor. Il-Ministru għall-Ambjent qal li dan il-unit diġa wettaq ħidma intensiva li qed tidher billi dawn il-promenades qed jinżammu fi stat tajjeb ta' manutenzjoni.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li din is-sena twettqet it-tieni fażi tal-proġett tal-promenade ta' Tas-Sliema, medda ta' madwar 600 metru li mit-Torri twassal sal-Balluta. Qal li din il-parti tal-proġett tfisser bini ġdid tal-playing field, railings ġodda tal-ħadid, pavimentar ġdid, bankijiet ġodda, funtani ta' l-ilma għax-xorb, tqegħid ta' arloġġi dekorattivi, bankini ġodda fuq in-naħa tar-residenti, restawr tat-torri u dehra ġdida lill-public convenience ta' ħdejn it-Torri. Hu qal li dan il-proġett ta dehra ġdida lill-inħawi li qed jitgawdew aħjar sew mir-residenti ta' tas-Sliema, mill-Maltin li jiffrekwentaw dawn l-inħawi u mit-turisti li huma sors importanti ta' dħul għal pajjiżna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din is-sena wkoll twettqet l-ewwel fażi tal-proġett tat-tisbiħ tal-promenade ta' San Ġiljan. Hu qal li sar twessiegħ tat-triq eżistenti biex tinkorpora parkeġġ fuq in-naħa tat-triq fejn jabitaw ir-residenti, saru railings ġodda, pavimentar ġdid u se jitwaħħlu arbli dekorattivi tad-dawl. Il-Ministru Franċis Zammit Dimech qal li dan il-proġett qed iwassal biex ir-residenti, barra milli jgħixu f'ambjent aħjar, ikollhom aktar postijiet għall-parkeġġ u biex l-eluf ta' Maltin u barranin li jżuru dawn l-inħawi jsibu promenade modern u li jixraq iż-żminijiet tal-lum.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja lil kull min ħadem fuq dan il-proġett u appella lil kulħadd jieħu ħsieb li proġetti bħal dawn ma ssirilhomx ħsara l-aktar mill-vandaliżmu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN