TITLESTA L-EWWEL FAZI FIL-PROGETT TAL-KOTTONERA
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-wiegħda li l-kumpannija Port Cottonera Limited għamlet f'Jannar li għadda meta qalet li se tirrestawra u tirriabilita il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni f'Xatt il-Birgu, saret realta' tant li llum qegħdin naraw il-bini li kien fi stat tant ħażin u ta' abbandun jerga' jieħu d-dehra prestiġġjuża li kellu fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li dan il-Palazz, li kellu anke parti minnu mwaqqa', ingħata lill-Port Cottonera Limited għal perijodu ta' 99 sena biex ikun żviluppat bhala parti mill-proġett tal-Kottonera li mistenni jiġbed lejn dawn l-inħawi investiment minimu ta' Lm16-il miljun u jerġa' jagħti l-ħajja lill-Kottonera kollha.
Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett jinkwadra fil-politika tal-Gvern preżenti li jirrestawra u jagħmel użu minn palazzi, fortifikazzjonijiet u bini ieħor antik li kien mitluq u li kien qed jintilef għal pajjiżna. Xogħol simili qed isir ukoll mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, fi ħdan il-Ministeru ghall-Ambjent, fil-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara.
Il-Ministru ghall-Ambjent qal li meta wiehed iqis li x-xoghol fuq dan il-progett tar-restawr tal-Palazz inbeda fl-14 ta' Frar li ghadda jifhem il-hidma kbira li saret biex fi zmien erba' xhur u nofs f'dan il-post mhux biss inbnew partijiet minnu u kien restawrat iżda tqiegħdu s-servizzi kollha meħtieġa biex dan il-bini ikun jista' jgħaddi lill-Casinò di Venezia biex jattrezzah u jmexxieħ.
Francis Zammit Dimech qal li llum qed naraw dan il-Palazz jiġi mgħammar b'damask u tappizeriji li nġiebu apposta minn Venezja, linef tal-kristall Murano u b'għamara u rikezzi oħra biex jingħata lura d-dehra li jistħoqqlu. Hu qal li t-tema tal-kmamar tal-logħob se tkun marbuta mal-kulur tad-damask. Qal li se jkun hemm ukoll kmamar privati tal-logħob biex il-casinò jigbed lejh l-aħjar klijentela.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-mira tal-Konsorzju li jiftaħ dan il-Palazz bħala casinò fl-ewwel ta' Awissu se tintlaħaq tant li qed ikunu nstallati l-imwejjed u l-makni tal-logħob, li huma kollha kompjuterizzata u ta' l-aħħar teknoloġija.
Francis Zammit Dimech qal li r-restawr u r-riabiltazzjoni tal-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni, li sewa investiment ta' madwar Lm2 miljun mill-Port Cottonera Limited biss, barra l-infiq fuq l-attrezzatura li qed isir mill-Casinò di Venezia, hu l-ewwel frott tanġibbli tal-proġett tal-Kottonera. Hu l-ewwel bini li waħdu se jagħti 140 impjieg permanenti ġdid u se jiġbed l-ewwel turisti ta' kwalita' lejn dawn il-lokalitajiet.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li ħarsa madwar turi li dan il-proġett qabad ritmu mgħaġġel tul ix-xatt kollu tal-Birgu. Hu qal li s-sit ma' ġenb il-casinò tnaddaf biex tinbena lukanda ta' l-ogħla kwalita' mill-istess konsorzju. Qal li aktar 'il ġewwa beda x-xogħol tal-bini ta' l-appartamenti mill-Cottonera Waterfront Group, tnaddfu mħażen taħt il-Forti Sant Anglu u l-ħnejjiet qodma tal-ħabs filwaqt li l-Ministeru għall-Ambjent bħalissa qed iwaqqa' dak li kien magħruf bħala l-bini taċ-Ċiniżi taħt il-Forti Sant Anġlu. Hu qal li min jersaq lejn dawk l-inħawi llum jista' jammira s-swar mikxufa li sa ftit żmien ilu kellhom jserraħ magħhom kwartieri residenzjali militari.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fi ftit taż-żmien ieħor se jibda x-xogħol ta' tiswija fuq il-mollijiet ta' taħt il-Forti Sant Anġlu biex ikunu tajbin għall-irmiġġi. Il-Ministru qal li flimkien ma' l-investiment li qed jagħmel s-settur privat f'dawn l-inħawi, il-Gvern qed jonfoq flejjes kbar biex itejjeb l-infrastruttura mhux biss biex jitwettaq dan il-proġett iżda anke biex isolvi problemi eżistenti fl-inħawi. Fi ftit żmien se titqiegħed sistema ġdida ta' drenaġġ li se ssolvi l-problemi ta' l-inħawi. Se tissaħħaħ ukoll is-sistema ta' l-elettriku bit-tqeghid ta' cables ġodda li jaslu sal-Kottonera filwaqt li se jitjiebu s-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Qed tittejjeb ukoll is-sistema ta' l-ilma.
Francis Zammit Dimech qal li għal darb'oħra l-Gvern preżenti qed juri bil-fatti li dak li jwiegħed iwettqu. Qal li l-proġett tal-Kottonera, li tant nies kienu xettiċi li għad jista' jitwettaq, beda jsir realta'. Realta' li għandha twassal għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera kollha, biex aktar turisti jżuru dawn l-inħawi u biex ir-residenti ta' l-erba' lokalitajiet jgawdu wkoll mill-ġid li t-turiżmu jħalli fil-pajjiż, apparti milli jibdew jersqu aktar lejn dawn l-inħawi ħafna aktar Maltin mill-bliet u rħula oħra, u b'hekk il-Kottonera tgawdi mhux biss mit-turiżmu estern iżda wkoll minn dak intern.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN