Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Għarfien u prattika interġenerazzjonali bejn studenti u anzjani

Date Icon 09/02/2024
;
​​
Proġett bejn Skejjel Primarji u Djar Residenzjali qed ilaqqa’ studenti li fil-maġġoranza tagħhom qegħdin fir-raba’, il-ħames u s-sitt sena, ma’ anzjani residenti fi djar residenzjali u li jattendu fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva, biex jippromwovu għarfien u prattika interġenerazzjonali bejn nies ta’ ġenerazzjonijiet differenti. L-għan huwa li t-tfal u l-anzjani jkunu involuti f’attivitajiet varji li jinkoraġġixxu interazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, bi skambju ta’ ideat, abbiltajiet u għarfien dwar suġġetti varji bejn il-gruppi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, żar iċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel f’Pembroke biex jaraw sessjoni ta’ dan il-proġett, akkumpanjati mill-Kap tal-Iskola Dr Marika Gatt.

“Dan huwa eżerċizzju importanti li qed isir bejn studenti tal-Primarja u anzjani li qed iwassal biex tinbena relazzjoni isbaħ bejn il-ġenerazzjonijiet u niffaċilitaw li bejniethom jaqsmu ideat u abbiltajiet varji. Dan il-proġett huwa parti essenzjali mill-edukazzjoni li rridu nagħtu lit-tfal tagħna, għaliex flimkien mal-anzjani qed jibnu fuq l-għarfien li ġenerazzjonijiet differenti għandhom x’joffru, qed irawwem r-rispett reċiproku u qed ikun ta’ benefiċċju kemm għall-istudenti kif ukoll għall-anzjani,” qal il-Ministru Grima.

Il-proġett jinvolvi numru ta’ sessjonijiet li bdew f’Diċembru 2023 u se jkomplu sa Mejju 2024 u qed jiġi adattat biex jaqdi l-bżonnijiet ta’ skejjel u djar residenzjali differenti permezz ta’ attivitajiet cross-curriculum.

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea qal li wieħed mill-benefiċċji ewlenin tal-attivitajiet interġenerazzjonali huwa l-kapaċità tagħhom li jiffaċilitaw l-interazzjoni soċjali għall-anzjani. 

“Ħafna anzjani jistgħu jesperjenzaw sentimenti ta’ solitudni u iżolament u dan jista’ jħalli effett fuq is-saħħa mentali u fiżika tagħhom. Permezz ta’ dan il-proġett l-anzjani għandhom l-opportunità li jistabbilixxu ħbiberiji ġodda u konnessjonijiet sinifikanti. Billi ninkorporaw dawn il-programmi fil-komunitajiet tal-kura tal-anzjani u nivvalutaw il-kontribuzzjonijiet ta’ kull ġenerazzjoni, nkunu qed noħolqu soċjetà aktar inklużiva,” qal is-segretarju parlamentari.

Fost l-attivitajiet li qed isiru hemm diskussjonijiet, logħob tradizzjonali, tħawwil ta’ xitel u pjanti, tisjir ta’ diversi ikel tradizzjonali, xogħol ta’ arti u oħrajn. Il-parteċipanti jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet oħra matul is-sena bħal taħditiet u diskussjonijiet, attendenza għall-kunċerti tat-tfal, fost attivitajiet oħra.

F’dan il-proġett interġenerazzjonali qegħdin jieħdu sehem tnax-il skola filwaqt li qed isiru wkoll diskussjonijiet ma’ skejjel oħra interessati. Għadd ta’ Djar residenzjali wkoll qed jipparteċipaw.

Element importanti ta’ dan il-proġett huwa li jkun hemm numru ta’ sessjonijiet bejn l-istess grupp ta’ anzjani u tfal. It-tfal jistgħu jagħżlu li jkomplu din l-esperjenza anke fil-vaganzi tas-sajf billi jżuru d-dar residenzjali mal-ġenituri tagħhom.


​

Share this Press Photo Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials