Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tirċievi żjara ta’ korteżija mill-kantanta rebbieħa tal-Junior Eurovision Song Contest 2015, Destiny Chukunyere u mit-tim li kien qed jagħti s-sehem tiegħu f’isem Malta.
Il-President ta’ Malta rringrazzjat lil Destiny għall-fatt li bit-talent tagħha kompliet tagħti viżibilità pożittiva lil pajjiżna u wasslet ukoll messaġġi tant sbieħ permezz tal-kanzunetta Not My Soul miktuba minn Matt Muxu Mercieca u Destiny Chukunyere, b’kompożizzjoni ta’ Elton Żarb. Għal din iż-żjara attendew il-Kap Eżekuttiv tal-PBS is-Sur Anton Attard, u l-familja ta’ Destiny.