Left arrow Go Back

Iħallu pajjiżna għal-Libja, l-uffiċjali Maltin flimkien mal-inġenji

Date Icon 13/09/2023
;

It-Tlieta filgħaxija, kontinġent ta' 73 uffiċjal mill-Forzi Armati ta' Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħalla pajjiżna, abbord il-Patrol Boat P61, għal Benghazi fil-Libja. F'dan il-pajjiż, dawn l-uffiċjali se jkunu qed jagħtu għajnuna ta' salvataġġ b'rabta mad-diżastru u l-għargħar li ħalliet warajha l-maltempata Daniel.

 

Ftit qabel nofsillejl ta' bejn it-Tlieta u l-Erbgħa l-lanċa żbarkat mill-Port il-Kbir, u fuqha kien hemm abbord it-tim ta' uffiċjali, flimkien ma' żewġ vetturi u bċejjeċ tal-baħar tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll provvisti ta' ikel u affarijiet essenzjali.

 

Fix-xatt tal-Marsa, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, akkumpanjat mid-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, u l-Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta, il-Brigadier Clinton O'Neill, sellem lil dawn il-ħaddiema ftit tal-minuti qabel żbarkaw mix-xatt.

 

F'kummenti li ta, l-Ministru Camilleri, spjega kif fi ftit tas-sigħat wara d-deċiżjoni tal-Kabinett, bdew il-preparamenti kollha sabiex jingħaqad dan it-tim biex isservi ta' rispons fil-Libja. Huwa rringrazzja lill-uffiċjali kollha li aċċettaw minnufih li jħallu pajjiżna biex isalvaw u jipproteġu fil-Libja. Huwa qal li Malta għal darba oħra għażlet li tkun solidali ma'  poplu li għandu bżonn l-għajnuna.

​​

​

Share this Press Photo Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials